Bħal-lum fil-passat (30 ta’ Mejju)
Immorru lura għas-sena 1954 meta proprju bħal-lum Juventus kienu għelbu lil Napoli fil-kampjonat bl-iskor ta’ 3-2. Il-gowls kellhom il-firma ta’ Ricagni, Boniperti u Hansen.
Immorru lura għas-sena 1954 meta proprju bħal-lum Juventus kienu għelbu lil Napoli fil-kampjonat bl-iskor ta’ 3-2. Il-gowls kellhom il-firma ta’ Ricagni, Boniperti u Hansen.
Sorsi kemm Taljani kif ukoll Spanjoli qed jirrapurtaw li Alvaro Morata se jibqa’ ma’ Juventus. Is-self tiegħu se jkun imġedded għal sena oħra. Diġà hemm ftehim f’das-sens mis-sena li għaddiet. Il-ħlas hu ta’ 10 miljuni oħra. Fil-jiem li ġejjin Juventus se jkunu qed jiktbu uffiċjalment lil Atletico Madrid biex jgħarrfuhom bid-deċiżjoni tagħhom.
Matthew Scerri
Juventus ħabbru li Massmiliano Allegri se jkun mill-ġdid il-kowċ tat-tim tagħhom. Allegri hu mingħajr dubju wieħed mill-aktar kowċis rebbieħa fl-istorja ta’ Juventus. S’issa hu rebaħ ħames kampjonati, erba’ Coppa Italia u żewġ Super Cups tal-Italja. Nawgurawlu li jkompli jżid ħafna iktar unuri ma’ dawn.
Matthew Scerri
Ir-rivoluzzjoni bdiet! Kif tafu ilna ħafna nirrapurtaw aħbarijiet li das-sajf kien se jkun hemm ħafna taqlib fi ħdan Juventus. Tafu li spiss sostnejna l-punt li l-affarijiet ma setgħux jibqgħu għaddejjin kif kienu. Min-naħa tagħha dejjem appellajna biex ikun hemm bidliet f’kull livell. Fl-aħħar jumejn kellna żewġ bidliet importanti: telqu Paratici u Pirlo. It-tnejn li huma taw ħafna lil Juventus, biss hu evidenti li ma kienx jagħmel sens li jiġu kkonfermati fil-karigi tagħhom
It-tluq ta’ Paratici se jfisser anki li mil-lat amministrattiv Juventus mhux biss se jkollhom uċuħ ġodda imma anki se jkun struttura totalment differenti minn dak tal-aħħar sentejn fejn vera rbaħna imma saru anki żbalji ħoxnin (tipo l-każ Suarez). Jalla min se jieħu post Paratici jagħraf ikompli jibni fuq it-tajjeb li għamel u jġib il-bidliet li tant ilhom jinħassu meħtieġa.
Minflok Pirlo rritorna Allegri. Issa tafu tajjeb li jien qatt ma kont xi fan kbir ta’ Pirlo. Sentejn ilu kont nemmen li kellu jitlaq għax ma kienx tajjeb biex jgħin lit-tim jagħmel il-qabża ta’ kwalità li kienet meħtieġa. Illum Allegri qed jirritorna f’kuntest kompletament differenti. Illum it-tim mhuwiex nettament superjuri għall-avversarji (għallinqas fl-Italja) daqs tlieta-erba’ snin ilu. Illum taħt ħafna aspetti t-tim irid jinbena mill-ġdid u Allegri għandu l-esperjenza u l-kapaċità li jagħmel dan. Bi ftit għaqal fit-tmexxija tat-tim u b’akkwisti bis-sens f’nofs il-grawnd, Juventus jistgħu jkomplu jirbħu anki fis-snin li ġejjin. Iċ-ċiklu forsi ma spiċċax … spiċċat biss waħda mill-fażijiet ta’ daċ-ċiklu leġġendarju!
Matthew Scerri
Andrea Pirlo se jħalli lil Juventus wara sena biss. Vera li rebaħ is-Super Cup Taljan u l-Coppa Italia, imma rridu nammettu li r-riżultati miksuba minnu dis-sena kienu diżappuntanti għall-aħħar. Minkejja dan kollu, però, jidher li xi klabbs tas-Serie A għadhom jemmnu fil-potenzjal tiegħu bħala kowċ. Qed jissemmew ħafna Sampdoria u Sassuolo bħala l-klabbs fejn se jkun qed jaħdem is-sena d-dieħla. Ta’ min ifakkar li Pirlo fadallu sena oħra kuntratt ma’ Juventus u qed jissemma li l-Bianconeri se joffrulu somma flus biex itemm il-kuntratt qabel iż-żmien. Wara Pirlo jkun jista’ jiftaħ negozjati ma’ klabbs oħra.
Matthew Scerri