Crotone-Juventus 1-1

Draw ieħor għal Juventus fil-kampjonat u żewġ punti oħra mitlufa. Lil hinn mir-riżultat innifsu, li hu deludenti, naħseb li l-partita kkonfermat kemm it-tim ta’ Pirlo għadu lura. Rajna tim bla ideat bħalna konna naraw fl-aħħar sentejn ta’ Allegri u fl-istaġun li għadda taħt Sarri. Hu veru li Pirlo s’issa ftit li xejn kellu ċans li jara lit-tim tiegħu fl-azzjoni f’partiti. Hu veru li għadna fil-bidu tas-sena u li hemm ħafna plejers ġodda. Dan kollu hu verissimu, però hu veru wkoll li Pirlo qed jesperimenta wisq u qed jispiċċa joħloq iktar konfużjoni. Qed ikompli jibda b’tim żbilanċat ‘il quddiem. Qed ikompli jħalli l-plejers ta’ mal-linja f’nofs il-grawnd javanzaw wisq. Il-midfield għadu qed ikun wisq taħt pressjoni. Id-difiża mbagħad hi mikxufa wisq. Qed naraw l-istess problemi tal-aħħar snin, imma did-darba forsi qed jinħassu iktar anki minħabba li għad m’hemmx plejer li jieħu f’idejh lit-tim u jmexxih. Nisperaw li Pirlo jirnexxilu jsib soluzzjoni għal dawn il-problemi għax jekk ma jkunx hekk nistgħu ninsew li dis-sena se nkunu nistgħu nikkompetu serjament għar-rebħ ta’ unuri fl-Italja u fl-Ewropa.

Crotone-Juventus 1-1
Skurjaw:  Simy (pen.) (C), Morata (J)

Crotone: Cordaz, Magallan, Marrone, Luperto (Golemic), Perreira (Rispoli), Molina (Petriccione), Cigarini, Vulic (Siligardi), Reca, Simy, Messias. Kowċ: Stroppa
 
Juventus: Buffon, Danilo, Bonucci, Demiral; Chiesa, Bentacur, Arthur (Rabiot), Frabotta; Kulusevsky (Bernardeschi), Portanova (Cuadrado), Morata. Kowċ: Pirlo
 
Karta ħamra: Chiesa (J)

Karti sofor:  Bonucci (J), Cigarini (C), Portanova (J),  Kulusevsky (J), Reca (J)

Matthew Scerri

Uffiċjali: Kif se jibdew Crotone u Juventus

Crotone (3-5-2): Cordaz; Magallan, Marrone, Luperto; Pereira, Petriccione, Cigarini, Molina, Reca; Messias, Simy. 

Juventus (3-4-3): Buffon; Danilo, Bonucci, Demiral; Portanova, Bentancur, Arthur, Frabotta; Chiesa, Morata, Kulusevski

Buffon u Demiral mill-ewwel minuta

Minn hawn u ftit tal-minuti oħra suppost inkunu nafu liema se jkunu l-ewwel ħdax ta’ Juventus għall-partita kontra Crotone. Kollox jindika li llum Buffon u Demiral se jibdew mill-ewwel minuta. Huma se jkunu qed iserrħu ftit lil Szczesny u lil Chiellini.

Matthew Scerri

Juventus fost it-timijiet li l-aktar huma interessati f’Demir

Juventus tefgħu għajnejhom fuq talent żagħżugħ ieħor li qed jagħmel isem għalih innifsu fix-xena Ewropea. Qed nirreferu għal Yusuf Demir, trekwartista ta’ 17-il sena li kellu wirjiet mill-aqwa ma’ Rapid Vienna. Apparti Juventus, jidher li hu qed ikun segwit anki minn Borussia Dortmund u Bayern Munich.

Matthew Scerri

B’kollox hemm disa’ każijiet ta’ Covid fit-tim Under 23 ta’ Juventus

Juventus Under 23 se jkunu qed jilagħbu kontra t-tim ta’ Albinoleffe. B’kollox il-Bianconeri se jkollu disgħa neqsin minħabba li nstabu pożittivi għall-Covid-19. Ħamsa minnhom huma plejers: Radu Dragusin, Lucas Rosa, Tommaso Barbieri, Matteo Bucosse u Wesley. Apparti dawn il-ħamsa, hemm anki l-kowċ Zauli u tliet persuni oħra mill-istaff tiegħu li huma morda bil-Covid.

Matthew Scerri

Kienet se terġa’ tirrepeti ruħha l-istorja ta’ Juventus-Napoli imma did-darba l-ASL ġabet ruħha b’mod differenti

Telgħu għal ħamsa l-plejers ta’ Parma pożittivi għall-Covid-19. Skont Il Corriere della Sera, l-ASL ta’ Parma għall-ewwel ma riedx jawtorizza lit-tim ta’ Parma jivvjaġġa lejn Udine. Jidher li saru xi telefonati bejn uffiċċjali tal-ASL u rappreżentanti tal-Lega Calcio sabiex jiddiskutu dak li kellu jiġri. Wara xi erba’ sigħat l-ASL tat permess lit-tim ta’ Parma jmur Udine għall-partita t’għada kontra Udinese.

Matthew Scerri

Il-plejers Juventini mgħajta għall-partita kontra Crotone

Il-plejer mgħajta minn Pirlo għall-partita tal-lejla kontra Crotone huma:

Szczesny, Chiellini, Arthur, Morata, Dybala, Danilo, Cuadrado, Bonucci, Chiesa, Rabiot, Demiral, Bentancur, Pinsoglio, Bernardeschi, Frabotta, Portanova, Vrioni, Kulusevski, Rafia, Peeters, Buffon.

Matthew Scerri

Dragus ta’ Crotone pożittiv għall-Covid-19

Ftit sigħat qabel Crotone-Juventus, tħabbar li l-plejer ta’ Crotone, Denis Dragus instab pożittiv għall-Covid-19. Fil-jiem li għaddew hu kien impenjat mat-tim nazzjonali Rumen ta’ taħt il-21 sena. F’dawn iż-żminijiet hi ħaġa tassew ridikola li l-FIFA u l-UEFA komplew għaddejjin bil-partita tat-timijiet nazzjonali qisu xejn mhu xejn. It-taħlit u l-ħafna vjaġġi tal-plejers żgur li huma mezz kif il-virus se jkompli jinfirex fid-dinja tal-futbol.

Matthew Scerri