Agnelli: “Għandna protokoll ċar u aħna nimxu miegħu”

https://www.youtube.com/watch?v=dx0oOwvZiEU

Chiesa b’self ma’ Juventus għal sentejn

Federico Chiesa mistenni jkun Turin dalgħodu għat-testijiet mediċi qabel jiffirma l-kuntratt ma’ Juventus. Hu se jkun qed jingħaqad b’self ma’ Juventus għal sentejn, liema self se jkun imħallas 2 miljuni fl-ewwel sena u 8 miljuni t-tieni sena. Fl-2022 Juventus se jkollhom l-obbligu li jixtruh għal kollox għas-somma ta’ 40 miljun jekk: (i) Juventus jieħdu sehem fiċ-Champions League fis-sentejn li ġejjin; (ii) Chiesa jilgħab 60% tal-partiti f’das-sentejn; jew (iii) Chiesa jiskorja għaxar gowls jew joħloq għaxar assists fis-sentejn li jmiss. Is-somma ta’ 40 miljun tista’ titla’ għal 50 miljun bil-bonuses.

Matthew Scerri

Illum jagħlaq is-suq tat-trasferimenti

Illum jagħlaq is-suq tat-trasferimenti fl-Ewropa. Juventus mistennija jkunu attivi ferm b’Paratici jaħdem kemm biex ineħħi xi plejers (De Sciglio, Khedira, Douglas Costa) kif ukoll biex jixtri (Emerson Palmieri, Alonso u Chiesa). Is-suq tat-trasferimenti jasal fi tmiemu fit-8 ta’ filgħaxija. Komplu segwuna għax se nwasslulkom l-aħbarijiet dwar dak kollu li jkun qed jinqala’.

Matthew Scerri

PSG kisbu lil Kean b’self

PSG ħabbru li kisbu lil Moise Kean b’self għal sena mingħand Everton. L-aħbar hi issa waħda uffiċjali. Wieħed irid jara jekk illum Juventus humiex se jirnexxilhom isibu attakkant ieħor (Llorente?), sakemm mhux qed iqisu lil Chiesa anki bħala attakkant u allura ma jieħdu lil ħadd iktar.

Matthew Scerri

Douglas Costa misluf lil Bayern Munich. Juventus lesti jieħdu lil Chiesa

B’sorpriża Juventus laħqu ftehim sabiex Douglas Costa jingħaqad b’self ma’ Bayern Munich. Il-Brażiljan se jkun qed jirritorna mal-eks tim tiegħu u hekk issa Juventus jistgħu jiffinalizzaw ma’ Fiorentina l-akkwist ta’ Federico Chiesa.

Matthew Scerri

Kean lejn self ma’ PSG

Moise Kean mistenni jingħaqad b’self ma’ PSG. Everton jidhru li aċċettaw l-istess proposta li kienu ressqu Juventus, imma filwaqt li fil-każ tal-Bianconeri r-risposta kienet le, issa l-Ingliżi qalu iva lil PSG.

Matthew Scerri

Juventus jinsabu fl-Allianz Stadium

Juventus qed jonoraw l-istruzzjonijiet tal-Lega Calcio u jinsabu fl-Allianz Stadium għall-partita kontra Napoli. Nafu li l-partita mhix se tintlagħab għas-sempliċi raġuni li Napoli ma marrux Turin.

Tħabbar li Juventus se jilagħbu b’dawn il-plejers: Szczesny; Danilo, Bonucci, Chiellini; Cuadrado, Arthur, Bentancur, Kulusevski; Ramsey; Ronaldo, Dybala.

Infakkru li Juventus għandhom l-obbligu li jinżlu fil-grawnd għax inkella l-Lega Calcio u l-FIGC jieħdu passi kontrihom ukoll.

Matthew Scerri

Ir-riżultati tal-partiti tat-3 Ġurnata tas-Serie A

Il-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru 2020, 8.45 p.m.

Fiorentina-Sampdoria 1-2

Is-Sibt 3 ta’ Ottubru 2020, 3.00 p.m.

Sassuolo-Crotone 4-1

Is-Sibt 3 ta’ Ottubru 2020, 6.00 p.m.

Genoa-Torino 1-2

Is-Sibt 3 ta’ Ottubru 2020, 8.45 p.m.

Udinese-Roma 0-1

Il-Ħadd 4 ta’ Ottubru 2020, 12.30 p.m.

Atalanta-Cagliari 5-2

Il-Ħadd 4 ta’ Ottubru 2020, 3.00 p.m.

Benevento-Bologna 1-0

Lazio-Inter 1-1

Parma-Verona 1-0

Il-Ħadd 4 ta’ Ottubru 2020, 6.00 p.m.

Milan-Spezia 3-0

L-Erbgħa 7 ta’ April 2021, 6.45 p.m.

Juventus-Napoli 2-1

Matthew Scerri

Ma nistgħux nagħlqu għajnejna!

Kulma nqala’ fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa hu tassew inkredibbli u onestament farsesk. F’sitwazzjonijiet bħal dawn hu normali li kulħadd ikollu opinjoni personali u xi ftit jew wisq ikun hemm diversi interpretazzjonijiet fi ħdan l-istess grupp ta’ supporters. Se nipprova nagħti l-opinjoni tiegħi, li naf li x’aktarx mhux se ssib wisq minnkom li taqblu magħha.

Nibda bielli ntenni dak li ili ġimgħa ngħid: Juventus-Napoli kellha titħassar minħabba r-riskju marbut mal-Covid-19. Fil-fehma tiegħi ma rridux naraw biss iż-żewġ plejers ta’ Napoli li s’issa nstabu pożittivi. L-istampa hi ferm usa’ minn hekk: it-tnejn ta’ Napoli ġew infettati kważi żgur għax ġew f’kuntatt mal-plejers ta’ Genoa (infakkar hemm 22 każ!). Il-biża’ tiegħi dejjem kienet li l-plejers ta’ Napoli setgħu jgħaddu l-virus lill-plejers Juventini u hekk konna nispiċċaw bi tliet timijiet infettati. Nemmen li l-prudenza kienet titlob li Juventus-Napoli titħassar fil-bidu tal-ġimgħa meta kien evidenti li l-każijiet ta’ Genoa ma kinux contained u allura l-imxija tal-virus kienet qed isseħħ b’ritmu mgħaġġel. Nemmen li kieku fil-bidu tal-ġimgħa l-plejers ta’ Napoli twaqqfu milli jittrenjaw, is-sitwazzjoni kienet tkun contained u l-ġimgħa d-dieħla kienu jistghu jirritornaw għat-training u għal-logħob. Ma naħsibx li kellna nagħlqu għajnejna quddiem il-gravità tal-każ ta’ Genoa!

It-tieni punt hu dwar ir-regolamenti li ġew deċiżi. Jien mill-ewwel kont għidt li ma naqbilx magħhom għax il-Covid għallimna li mhumiex tant in-numri in sé li huma inkwetanti, imma kemm is-sitwazzjoni hi contained jew le. Tim jista’ jkollu tlettax-il plejer jew iktar tajbin biex jilagħbu, imma ma jfissirx li dawk il-plejers ma ħadux il-virus mingħand sħabhom. Nafu li t-test jaqbad il-virus biss f’ċertu stadju, u allura għall-fini ta’ prudenza naħseb li kien ikun aħjar li kull sitwazzjoni kienet tkun miflija minn bord ta’ nies esperti tas-settur u nies oħra li m’għandhom ebda rkonnessjoni mal-klabbs tas-Serie A sabiex huma, grazzi għall-għerf tagħhom, jistabilixxu jekk partita tistax tintlagħab jew le mingħajr riskji żejda għall-plejers.

L-aħħar punt, u dan hu wieħed li spiss nagħmel, hu li l-futbol Taljan ma jistax jibqa’ jaqa’ għar-ridikolu quddiem id-dinja kollha b’dal mod. Stupida kemm hi stupida r-regola li ħarġet dil-ġimgħa, irridu nfakkru li din ġiet maqbula mill-Presidenti tas-Serie A. Ir-regoli jsiru biex jiġu segwiti u rispettati. Din l-idea li nies bħal De Laurentis u Lotito mingħalihom jistgħu jagħmlu li jridu trid tinqata’. Il-Lega Calcio u l-FIGC qegħdin hemm biex jagħmlu l-ġid komuni, mhux biss biex iħarsu l-interessi ta’ xi klabbs fuq dawk tal-oħrajn. Jekk verament l-ASL waqqfet li Napoli milli jmorru Turin, kien ikun biżżejjed li jintbagħat id-dokument konċernat lil-Lega u l-partita żgur kienet titħassar. La ma tħassritx sintendi li Napoli ma kellhomx f’idejhom xejn x’juru. Issa minn x’imkien tfaqqas xi ittra żgur u l-Karnival jerġa’ jibda!

Matthew Scerri

Rebħa walkover għal Juventus u punt imnaqqas għal Napoli

Juventus-Napoli llejla mhux se tintlagħab minħabba li Napoli ma marrux Turin għall-partita. Dan ifisser li se jittieħdu passi dixxiplinari fil-konfront ta’ Napoli. Juventus se jingħataw rebħa walkover ta’ 3-0, filwaqt li Napoli x’aktar jitnaqqsilhom punt fil-klassifika.

Matthew Scerri