L-aġent ta’ Dybala għadu Turin

Jorge Antun, l-aġent ta’ Dybala, għadu Turin skont IlBianconero.com. Hu wasal l-Italja madwar ħmistax-ilu u kien qed jakkumpanja lil omm Dybala. Issa jidher li se jibqa’ Turin sabiex, wara li jkun għalaq is-suq tat-trasferimenti, ikompli jiddiskuti l-kuntratt il-ġdid ta’ Dybala.

Matthew Scerri

Għadu ‘l bogħod il-ftehim bejn Juventus u Khedira

Khedira ma jridx jaf! Hu assolutament ma jridx jaċċetta somma inqas minn 6 miljuni biex jittermina l-kuntratt ma’ Juventus. Il-Bianconeri min-naħa tagħhom qed joffrulu 2.5 miljuni. Kollox jindika li l-partijiet għadhom ‘il bogħod milli jsibu ftehim u jista’ jkun li finalment Khedira se jqatta’ sena oħra ma’ Juventus, mifrud f’daru basta jaqla’ s-6 miljuni tiegħu.

Matthew Scerri

Kean eqreb lejn ritorn ma’ Juventus

Carlo Ancelotti m’għandu l-ebda oġġezzjoni li Kean jinbigħ u allura Raiola qed imexxi t-taħdidiet ma’ Everton biex l-attakkant Taljan jirritorna ma’ Juventus. Il-Bianconeri qed jipproponu self għal sentejn u wara jkun hemm dritt li jixtruh għal kollox, liema dritt isir obbligu jekk jintlaħqu ċerta miri stabbiliti minn qabel.

Matthew Scerri

Ħadd mit-tim ta’ Napoli m’għandu l-Covid!

L-iswab tests tal-plejers u l-istaff ta’ Napoli kellhom kollha riżultat negattiv u allura s’issa ħadd ma jidher li ħa l-virus mingħand il-plejers ta’ Genoa l-Ħadd li għadda. Ma ninsewx, però, li t-tobba dejjem qalulna li jekk it-test isir kmieni wisq, il-virus jaf ma jinqabadx. Għada waranofsinhar se jsiru testijiet oħra.

Matthew Scerri

Frabotta daqt se jkun offrut kuntratt ġdid

Il-wirjiet tajba mat-tim ta’ Pirlo se jwasslu biex daqt Gianluca Frabotta jkun offrut kuntratt ġdid. Hu se jkun qed jaqla’ paga li ftit plejers tas-Serie C għandhom, jiġifieri 200,000 Ewro fis-sena.

Matthew Scerri

Il-Ministru Spadafora: “Mhuwiex il-każ li tieqaf is-Serie A”

Il-Ministru Taljan tal-Isports, Vincenzo Spadafora stqarr illum li għalissa mhuwiex il-każ li tieqaf is-Serie A minħabba l-Covid-19. Fi kliemu l-protokoll tal-FIGC hu tajjeb ħafna u ma jeħtieġ ebda bidla.

Matthew Scerri

Alonso se jitlaq lil Chelsea. Juventus u Inter iriduh

Bħalissa għaddejja taqtigħa bejn Juventus u Inter għall-iffirmar ta’ Marcos Alonso. L-Ispanjol se jitlaq lil Chelsea wara li kellu battibekk qawwi ma’ Lampard fid-dressing room fi tmiem il-partita kontra West Bromwich. Hu evidenti li Chelsea ma jistgħux iktar iżommuh magħhom. Juventus u Inter jinsabu interessati fih. Juventus, imma, iridu qabelxejn ibigħu lil De Sciglio qabel ikunu jistgħu verament jippruvaw jiffirmawh.

Matthew Scerri

Dejjem iktar probabbli t-trasferiment ta’ Rugani ma’ Valencia

Valencia jinsabu f’taħdidiet ma’ Juventus għal Daniele Rugani. Il-klabbs qed jiddiskutu bejniethom fuq liema bażijiet se jseħħ it-trasferiment. Valencia talbuh b’self mingħajr ebda dritt jew obbligu li jixtruh għal kollox. Juventus, min-naħa tagħhom qed jitolbu somma bejn 20 u 25 miljun Ewro. Finalment jista’ jkun li l-partijiet isibu ftehim bejniethom fuq bażi ta’ self li jkun imħallas u l-obbligu għal Valencia li jixtruh għal kollox jekk jintlaħqu ċerta miri stabbiliti minn qabel.

Matthew Scerri

Fadal sitt ijiem u kollox għadu wieqaf

Ninsabu sitt ijiem ‘il bogħod mit-tmiem tal-kampanja trasferimenti. Fil-każ ta’ Juventus jidher li kollox għadu bblukkat minħabba li Paratici għadu ma sabx timijiet lesti jixtru lill-plejers li ilu jipprova jbigħ għal diversi ġimgħat. Nafu li jekk ma jbigħux, Juventus mhux se jkunu f’pożizzjoni li jixtru. Lanqas għadu nstab fethim ma’ Khedira biex ikun itterminat il-kuntratt tiegħu. S’issa saru akkwisti tajbin (Kulusevski, Arthur, McKennie u Morata). It-tim Juventin, imma, jonqsu rtokki oħra biex verament ikun kompetittiv fl-Italja u fl-Ewropa. Nittamaw li xi ħaġa tiċċaqlaq f’dawn il-jiem sabiex Paratici jkun jista’ jagħmel l-akkwist li huma tant meħtieġa.

Matthew Scerri

Illum se nkunu nafu jekk Juventus-Napoli hix se tintlagħab

Illum mistenni jkun hemm laqgħa straordinarja tal-Lega Calcio fejn fost l-oħrajan se jkun diskuss il-każ tal-14-il persuna ta’ Genoa pożittivi għall-Covid-19. Hu probabbli ferm li Genoa-Torino tas-Sibt tkun posposta. Fl-istess ħin anki Juventus-Napoli jaf titmexxa għal data oħra. Dalgħodu suppost insiru nafu r-riżultati tal-iswab tests li saru lill-plejers ta’ Napoli. Kif ktibna lbieraħ l-incubation period tal-virus hu tassew twila u allura jkun prudenti li Juventus-Napoli tiġi posposta sabiex il-virus ma jkomplix jinfirex u fl-istess ħin nevitaw sitwazzjonijiet fejn il-plejers ta’ Napoli jaf ikunu debboli minħabba l-virus li jkun ġo fihom mingħajr ma jinqabad mit-test.

Matthew Scerri