Twaqqfet l-investigazzjoni b’rabta mal-eżami ta’ Suarez

Il-Procuratore Capo ta’ Perugia ddeċieda li jwaqqaf kull tip ta’ investigazzjoni b’rabta mal-eżami ta’ Luis Suarez. Id-deċiżjoni ttieħdet minħabba li f’iktar minn okkażjoni waħda ħarġet informazzjoni kunfidenzjali b’rabta mal-investigazzjoni li kienet qed issir. Il-Procuratore ordna li ssir inkjesta biex tistabilixxi kienx hemm xi nuqqasijiet f’dan ir-rigward. L-investigazzjoni dwar il-każ ta’ Suarez se tkompli malli tkun garantita r-riservatezza li l-każ jistħoqqlu.

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (26 ta’ Settembru 2020)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum is-26 ta’ Settembru 2020.

Avviż importanti

Il-Kumitat tal-Juventus Club Vero Amore jixtieq javża li kull membru li kien irriserva biljett għall-partiti tas-Serie A jew taċ-Champions League li ġew imħassra minħabba l-pandemija tal-Covid 19 issa irċieva l-bilanċ dovut lilu ftit jiem wara li dawn ingħataw lura lill-Club mingħand Juventus.

Il-Kumitat bħal dejjem jixtieq jirringrazzja lil kull membru tal-koperazzjoni tiegħu u tal-fiduċja sħiħa lejn il-Kumitat.

Grazzi

Correa wkoll fil-pjanijiet ta’ Juventus

Skont Tuttomercatoweb Juventus qed jikkunsidraw anki lil Joaquin Correa ta’ Lazio biex ikun ir-raba’ attakkant tagħhom dis-sena. Paratici lest jiftaħ negozjati ma’ Lazio fuq bażi ta’ self bl-obbligu ta’ xiri s-sena ta’ wara.

Matthew Scerri

L-Avukat Chiappero: “Juventus m’għandhomx x’jaqsmu”

L-aġenzija tal-aħbarijiet Adnkronos qed jirrapurtaw li l-Avukat Chiappero stqarr illum li Juventus m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-kwistjoni tal-allegati irregolaritajiet b’rabta mal-eżami ta’ Luis Suarez. Ta min jgħid ukoll li l-Avukat Chiappero u l-Avukatessa Turco llum kienu interrogati mhux bħala avukati ta’ Juventus, imma għax assistew lill-avukati ta’ Suarez biex hu seta’ jitlob iċ-ċittadinanza Taljana.

Matthew Scerri

Juventus jew Leeds fil-futur ta’ De Paul

Udinese jinsabu disposti jbigħu lil Rodrigo De Paul hekk kif jinsabu qrib li jixtru lura lil Pereyra. Leeds iriduh b’saħħa u lesti joffru 30 miljun Ewro għalih. Juventus għadhom iriduh ukoll biss qabel iressqu offerta għalih iridu jbigħu lil xi plejer/s li għandhom fit-tim.

Matthew Scerri

L-avukat Chiappero: “Il-verità spiss tiġi mibdula”

L-avukati Luigi Chiappero u Maria Turco llum kienu interrogati b’rabta mal-allegati irregolaritajiet fl-eżami ta’ Luis Suarez. Huma ġew mitluba jagħtu l-verżjoni tagħhom bħala “persone informate sui fatti” u mhux għax qed jiġu indagati. L-avukat Chiappero rringrazzja lill-awtoritajiet li sejħulhom immedjatament biex jiċċaraw l-affarijiet min-naħa tagħhom u jiddefendu t-trasparenza li dejjem ħadmu biha. Hu żied anki li spissa l-verità tiġi mibdula għax hu konvenjenti għall-qarrejja u allura kien importanti li hu u l-avukatessa Turco jinstemgħu minnufih biex il-verità tkun stabbilita.

Matthew Scerri

Cherubini jiċċara għala ċempel lir-Rettur tal-Università ta’ Perugia

La Stampa ħadu kumment mingħand Cherubini. Hu kkonferma li ċempel lir-Rettur tal-Università Statale ta’ Perugia, Maurizio Oliviero. Cherubini sostna li jaf lil Oliviero u ċempillu peress li mill-Konsolat Taljan f’Barcellona ġie infurmat li l-eżami seta’ jsir fi Siena jew f’Perugia. Peress li kien jaf lil Oliviero, ċempillu biex jikseb informazzjoni dwar l-eżami. Oliviero, imma, għarfu li kellu jkellem lill-Università per Stranieri ta’ Perugia. Minn dak il-mument ‘il quddiem, il-ballun għadda f’idejn l-istaff ta’ Suarez u l-avukati involuti.

Matthew Scerri

Deffsu anki lil Cherubini fl-istorja tal-eżami ta’ Suarez

Ir-Rettur tal-Università Statale ta’ Perugia, Maurizio Olivieri hu l-persuna li kienet ikkuntattjata minn uffiċċjali ta’ Juventus (li allegatament hu Cherubini). Fit-telefonata Olivieri ġie mistoqsi jekk l-Università tiegħu tagħmilx l-eżami B1 meħtieġ għaċ-ċittadinanza ta’ Suarez. Hu wieġeb li l-Università Statale ma torganizzax dawn l-eżamijiet u għamel kuntatt mal-Università per Stranieri ta’ Perugia li regolarment ikollha sessjonijiet ta’ dawn l-eżamijiet. L-Università per Stranieri għandha bħala Direttur Ġenerali lil Simone Olivieri (li ma jiġix mir-Rettur tal-Università Statale). Ir-Rettur tal-Università per Stranieri f’telefonata minn lil Simone Olivieri allegatament jgħid: “Taf li għandi relazzjoni tajba mad-diriġenza ta’ Juventus. Irridu ngħinu lill-attakkant tagħna.” Fi stqarrija, Maurizio Olivieri spjega li hu tkellem ma’ Paratici għal ftit sekondi biss wara li sar l-eżami. Kienet telefonata ta’ korteżija li matulha Paratici rringrazzja lil Olivieri peress li Suarez ħassu tassew milqugħ tajjeb fil-ħin qasir li qatta’ jagħmel l-eżami.

Nagħlqu billi nfakkru li Juventus għalissa mhix tiġi investigata. Sar magħruf li l-avukati Maria Turco u Luigi Chiappero (qrib ħafna ta’ Juventus) issejħu fil-Procura biex jagħtu x-xhieda tagħhom hekk kif assistew lill-avukati ta’ Suarez fil-ewwel parti tal-proċess għall-ksib taċ-ċittadinanza Taljana min-naħa tal-attakkant Urugwajan.

Matthew Scerri