Pogba għadu mhux lest għal-logħob

Paul Pogba jaf ikollu jitlef il-partiti ta’ ħbiberija li Juventus se jilagħbu fl-Amerka. Fil-fatt għal dawn l-aħħar tliet ijiem hu ma ttrenja mal-kumplament ta’ sħabu u minflok qatta’ ħafna ħin fil-JMedical fejn hemm l-istrutturi meħtieġa biex hu jkompli l-programm personalizzat bil-għan li jkun jista’ jirritorna għall-azzjoni mingħajr iktar problemi. Diversi siti qed ibassru li Pogba mhux se jkun laħaq irkupra sakemm Juventus imorru l-Amerka u għaldaqstant hu jaf jibqa’ Turin jaħdem b’mod individwali ma’ fiżjoterapisti u membri oħra tal-istaff Juventin.

Matthew Scerri

Insellmu l-memorja ta’ Publius Vassallo

Nixtiequ minn hawn insellmu l-memorja ta’ Publius Vassallo li ħalla din id-dinja ftit tal-jiem ilu fl-eta’ ta’ 88 sena. Il-Pullu, kif kien jafu kulħadd, serva għal bosta snin fil-Kumitat tal-Club tagħna u kopra diversi karigi fosthom dik ta’ Teżorier. Kien wieħed mill-qlub u l-muturi tal-Club fis-snin bikrin u ħadem biex, minkejja d-diffikultajiet ta’ dawk iż-żminijiet, il-Club tagħna seta’ jikber u jibqa’ jeżisti sal-ġurnata tal-lum. Il-Pullu kien Juventin kbir li baqa’ sal-aħħar isegwi b’passjoni kbira lit-tim tal-qalb tiegħu u tagħna.

Nibku t-telfa tiegħu u nibqgħu għal dejjem grati lilu għall-ħidma kbira li wettaq b’risq il-Club.

Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem!

Matthew Scerri

Żvelat it-tieni flokk

Illum ġie żvelat it-tieni flokk ta’ Juventus għas-sena 2023/24. Hu flokk bi sfond abjad u linji vertikali ta’ kulur roża u griż ċar. Fil-ħsieb tad-designers, il-flokk għandu jfakkar fil-Monte Rosa li tant hu sinonimu mal-belt ta’ Turin.

Matthew Scerri

Andrea Agnelli sospiż għal sittax-il xahar u mmultat 60,000 Ewro

Andrea Agnelli ġie sospiż għal sittax-il xahar oħra u se jkollu jħallas multa ta’ 60,000 Ewro b’rabta mal-hekk imsejħa ‘manovra stipendi’. Il-ġustizzja sportiva sabitu ħati u tatu dil-kundanna. Ta’ min ifakkar li Agnelli kien l-uniku wieħed li ma aċċettax il-patteġġament. Issa rridu nistennew li tinħareġ is-sentenza sħiħa biex naraw eżattament fuq liema bażi l-Qorti tal-FIGC sabitu ħati.

Matthew Scerri

Id-dati u l-ħinijiet tal-ewwel erba’ partiti tas-Serie A

Il-Lega Calcio ħabbret id-dati u l-ħinijiet uffiċjali tal-ewwel erba’ partiti tas-Serie A. Juventus se jkunu impenjati kif ġej:

L-1 Ġurnata: Udinese-Juventus (20\8\2023 — 8.45 p.m.)
It-2 Ġurnata: Juventus-Bologna (27\8\2023 — 6.30 p.m.)
It-3 Ġurnata: Empoli-Juventus (3\9\2023 — 8.45 p.m.)
Ir-4 Ġurnata: Juventus-Lazio (16\9\2023 – 3.00 p.m.)

Matthew Scerri