Pirlo tkellem ċar: Juventus se jippruvaw jiksbu attakkant ieħor. Fl-intervista ta’ wara l-partita, malli ssemmilu isem Giroud, Pirlo ma qagħadx lura milli jgħid li hu t-tip ta’ plejer li Juventus jeħtieġu. Giroud, imma, jidher li mhux se jitlaq lil Chelsea peress li qed ikun regolari magħhom u jrid jikseb post mat-tim nazzjonali Franċiż għall-Kampjonat Ewropew. Issemma ħafna Depay, plejer ieħor li l-klabb tiegħu ma jridx ibigħ għalkemm il-fatt li għandu kuntratt li jiskadi f’Ġunju jaf iwassal biex O.Lyon jibdlu fehmthom. Ovvjament lesti jibdlu fehmthom biss quddiem offerta tajba (li bħalissa Juventus ma jistgħux u lanqas iridu jressqu). Hemm imbagħad l-isemijiet li l-inqas qed jogħġbu lis-supporters: Llorente, Pellè u Pavoletti. Pellè nafu li qiegħed bla klabb u allura hu l-iktar wieħed faċli li jinkiseb. Llorente, mill-banda l-oħra, x’aktarx mhux se jitħalla jitlaq minn Napoli qabel is-Super Cup (tard wisq għal Juventus!). Imbagħad hemm Pavoletti li jista’ jinkiseb bi tpartit ma’ xi plejer jew plejers li hemm fi ħdan it-tim Juventin. Dawn huma wħud mill-ismijiet li qed isiru s’issa. Nifhmu li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar se joħorġu ismijiet, li hi ħaġa normali f’sitwazzjonijiet bħal dawn għax żgur li Paratici se jikkunsidra diversi plejers qabel jieħu d-deċiżjoni tiegħu. Nittamaw li dan l-imbierek raba’ attakkant ma jdumx ma jasal għal bħalissa Pirlo verament għandu bżonn sostitut għal Ronaldo/Morata/Dybala.
Matthew Scerri