Posts

Messi ħabbar li se jibqa’ ma’ Barcellona

Lionel Messi ħabbar li mhux se jitlaq lil Barcellona. Fi kliemu l-President kienu ilu jaf l-istaġun kollu li ried jitlaq peress li kien qed iħoss li wasal iż-żmien li jwarrab. Issa Barcellona qed jgħidulu li ma jistax jitlaq iktar b’xejn minħabba li klawżola kienet tiskadi fl-10 ta’ Ġunju. Messi żied anki li biex jitlaq lil Barcellona issa jrid isib klabb lest iħallas 700 miljun (li hu impossibbli) jew inkella jiftaħ battalja legali, imma hu ma jridx jieħu l-Qorti lill-klabb fejn qatta’ ħajtu. Għaldaqstant m’għandu ebda triq oħra ħlief li jibqa’ ma’ Barcellona u jagħti dak kollu li jista’ għall-ġid tat-tim.

Matthew Scerri

Tgħid daret il-folja?

Kulmin jaf sew l-andament tas-suq tat-trasferimenti, jaf tajjeb li fis-sajf hu normali li wieħed jaqra minn kollox. Pereżempju, wara li għal jumejn qalulna li Juventus kellu ftehim ma’ Suarez, issa Il Corriere dello Sport qed isostni li finalment Suarez jista’ jibqa’ flimkien ma’ Messi ma’ Barcellona. Fi Spanja, però, qed jiċħdu din l-aħbar peress li Suarez se jitlaq lil Barcellona mhux minħabba l-problemi li għandu Messi, imma għax ma jridux Koeman. Min qiegħed jgħid il-verità u min qed jigdeb, ovvjament, ma nafux. Li hu ċert hu s’issa għad ma nafu xejn dwar jekk Suarez sabx ftehim ma’ Barcellona biex ixolji l-kuntratt tiegħu. Dan hu punt kruċjali għax, kif jifhem tajjeb kulħadd, Juventus bħalissa ma jaffordjawx li jagħtu paga għolja lill-plejer u jonfqu somma kbira biex jixtruh. Fi kliem ieħor, jekk Suarez ma jinħallx mill-kuntratt ma’ Barcellona, hu impossibbli li narawh ma’ Juventus. Mill-banda l-oħra, la darba Suarez ikun xolja l-kuntratt mal-Ispanjoli, hu evidenti li l-favoriti nett biex jiffirmawh huma Juventus. Nistennew u naraw!

Matthew Scerri

Klabbs mis-Serie A jridu lil Nicolussi Caviglia

Tliet timijiet tas-Serie A, kollha mir-reġjun tal-Liguria, qed juru interess li jiksbu lil Hans Nicolussi Caviglia mingħand Juventus. S’issa l-plejer qed jittrenja fil-Continassa u x’aktarx Pirlo jixtieq jarah fl-azzjoni mill-qrib biex jifhem għandux iżommu jew le. Jekk Juventus jagħżlu li jisilfuh mill-ġdid, fuqu hemm Sampdoria, Genoa u Spezia.

Matthew Scerri

X’qed jingħad dwar il-kuntratt li Juventus offrew lil Suarez

Skont La Gazzetta dello Sport Juventus għandhom ftehim ma’ Suarez għal kuntratt ta’ tliet snin b’paga ta’ 10 miljuni fis-sena. Fil-jiem li għaddew kien intqal li l-kuntratt kellu jkun validu għal sentejn b’paga ta’ 8 miljuni. Intant Sky ikkonfermaw li l-kwistjoni tal-passaport ta’ Suarez tista’ tissolva fi ftit jiem.

Matthew Scerri

Dzeko: “Kull sena jgħidu li se nitlaq”

Rai intervistaw lil Edin Dzeko li llejla se jilgħab kontra l-Italja. Hu qal: “Kull sena jgħidu li se nitlaq. Mhuwiex il-mument li nitkellmu dwar il-calciomercato. Ninsab ikkunċentrat fuq dawn il-partiti u wara naraw x’se jiġri.” Mistoqsi dwar il-possibbiltà li jilgħab ma’ Cristiano Ronaldo, Dzeko wieġeb: “Nista’ ngħid li għandi 34 sena. Ninsab tajjeb u jien kburi għal dan.”

Matthew Scerri

Xejn ġdid dwar Higuain u Khedira

Għaddiet ġurnata oħra u għad ma kellna ebda aħbar ċerta dwar it-tluq ta’ Higuain. Pirlo u ħu Higuain għamluha uffiċjali li l-Pipita se jitlaq lil Juventus, biss s’issa l-kuntratt tiegħu għadu ma ġiex annullat. Ilna nisimgħu li Higuain għandu ftehim ma’ Inter Miami. Issa llum kien hemm l-għidut li anki DC United ressqu offerta lil Higuain. Ħafna għidut, iż-żmien għaddej, u xejn uffiċjali mhu jseħħ.

L-istess jgħodd anki għal Khedira. F’dal-każ, fil-verità, Pirlo kien iddikjara li kull deċiżjoni dwar il-futur ta’ Khedira se tittieħed wara li jkun daħal lura mill-injury. Fi kliem ieħor lanqas hu ċert li se jitlaq lil Juventus. Minn dak li nafu, hemm interess minn xi klabbs biss ebda offerta konkreta.

Nittamaw li dawn is-sitwazzjonijiet jissolvew malajr għall-ġid ta’ Juventus!

Matthew Scerri

Ftehim Juventus-Atalanta għal Romero

It-trasferiment ta’ Romero ma’ Atalanta hu prattikament maqbul u skont Di Marzio l-klabbs jinsabu fil-fażi li jgħaddu lil xulxin id-dokumenti tat-trasferiment. Romero se jingħaqad ma’ Atalanta b’self għal sentejn.  Fl-2022 Atalanta jkollhom id-dritt, li jsir obbligu taħt ċerta kundizzjonijiet, li jixtru lil Romero għal kollox għal somma bejn 23 u 25 miljun Ewro.

Matthew Scerri

Olivieri se jkun misluf lil Empoli

Gianluca Di Marzio ta l-aħbar li Empoli laħqu ftehim ma’ Juventus biex jiksbu b’self lil Olivieri. L-attakkant ta’ 21 sena, li kellu wirjiet tajba fl-aħħar partiti tal-era Sarri, se jkun qed jibda esperjenza ġdida fejn se jkun jista’ jilgħab regolari u jikseb l-esperjenza meħtieġa biex xi darba jkun jista’ jirritorna ma’ Juventus. Il-ftehim ma’ Empoli hu biss fuq bażi ta’ self mingħajr ebda dritt jew obbligu għal Empoli li jixtruh għal kollox.

Matthew Scerri

Suarez diġà tkellem ma’ Chiellini u Bentancur

Allegatament fl-aħħar jumejn Luis Suarez għamel xi telefonati lil plejers ta’ Juventus. Skont La Gazzetta dello Sport, l-ewwel telefonata saret lil Chiellini li kien vittma ta’ gidma min-naħa ta’ Suarez fit-Tazza tad-Dinja tal-2014. Tajjeb ngħidu li t-tnejn li huma kienu diġà ċċaraw dak l-episodju bejniethom jumejn wara l-gidma. Issa Suarez ried ikun ċert li Chiellini kien nesa l-episodju u li m’għandux problemi li jkunu fl-istess tim. It-tieni telefonata li allegatament saret, did-darba skont IlBianconero.com, rat lil Suarez jitkellem ma’ Bentancur. It-tnejn li huma jilagħbu flimkien fit-tim nazzjonali u jidher li Suarez xtaqt isir jaf ‘minn ġewwa’ lit-tim Juventin.

Matthew Scerri

Dejjem iktar probabbli s-self ta’ Romero ma’ Atalanta

Juventus u Atalanta resqin lejn ftehim għat-trasferiment ta’ Romero mat-tim ta’ Gasperini. Il-partijiet jidhru li qed jaqblu li Romero jkun misluf lil Atalanta, bil-klabb minn Bergamo jkollu l-obbligu li jixtrih għal kollox aktar ‘il quddiem għal valur komplessiv ta’ 25 miljun.

Matthew Scerri