Posts

Dybala, Arthur u McKennie lura għat-training

Il-kastig ta’ Arthur, McKennie u Dybala wasal fi tmiemu hekk kif illum, f’jum l-Għid, għandna rapporti li ttrenjaw mal-bqija ta’ sħabhom. Suppost se jkunu mgħajta għall-partita kontra Napoli ta’ nhar l-Erbgħa għalkemm biex ngħidu kollox fl-aħħar jumejn kien hemm għidut mhux konfermat li Arthur jinsab muġugħ u se jkollu jibqa’ barra mill-azzjoni għal għaxart ijiem.

Matthew Scerri

Multa kbira għal Dybala

Juventus tassew se jżommu id iebsa ma’ Paulo Dybala. Fil-fatt La Repubblica qed tirraporta li l-multa li Juventus se jweħħlu lil Dybala se tkun ta’ madwar 300,000 Ewro. Se jkun hemm multi anki għal McKennie u għal Arthur. Il-multa se tkun differenti għat-tlieta li huma peress li r-regolamenti jippermettu biss li l-multa tkun ikkalkulata bħala perċentwali fuq il-paga tal-plejers.

Matthew Scerri

La Juve siamo noi. Ħaqqna rispett u mhux iktar dardir!

M’hemmx għalfejn ngħidu li l-aħbar tal-ikla jew festa fir-residenza ta’ McKennie kienet daqqa ta’ ħarta oħra għas-supporters Juventin fi staġun tassew tqil u fastidjuż. Iċ-ċiklu wasal fi tmiemu u bħalma jiġri f’każijiet bħal dawn, it-tim kollu qed jintelaq. Dis-sena rarissimu rajna partita tat-tim tal-qalb tagħna u ħadna verament gost. Nemmen li ħafna plejers ma tawx l-almu tagħhom. Rajna ħafna partiti mitlufa minħabba żbalji stupidi li llum lanqas it-tfal fin-nurseries m’għandhom jagħmlu. Ma tistax tirbaħ tajjeb. Dan hu fatt li qatt ma ċħadna. Li ma nistgħux inġerrħu iktar hu l-atteġġament tal-plejers ġewwa u barra l-grawnd. Ħalli titlef, imma f’ġieħ kemm hemm għandna kull dritt nitolbu li l-plejers jitfgħu qalbhom fil-grawnd. Għandna d-dritt nitolbu li l-plejers jilagħbu għall-flokk. Għandna d-dritt nitolbu li barra l-grawnd il-plejers iġibu ruħhom b’mod diċenti. Kulħadd hu liberu li jagħmel li jrid fil-ħajja privata tiegħu, imma hemm limitu għal kollox. Li tliet plejers jiddeċiedu li jinġabru ma’ nies oħra (10 jew 20, min jaf kemm kienu) għal ikla sa tard billejl meta fl-Italja hemm curfew hi ħaġa inaċċettabbli. Hemm rapporti li għal din l-ikla/festa xi xhieda raw taxis bi tfajliet deħlin fir-residenza ta’ McKennie. Hemm stejjer li McKennie għal siegħa sħiħa ma ħalliex lil Carabinieri jidħlu fid-dar tiegħu. ksur ta’ liġi sfaċċat u ripetut. Dan kollu hu tal-mistħija, speċjalment meta wieħed iqis li partijiet kbar tal-Italja u tad-dinja ilhom iktar minn sena b’restrizzjonijiet kbar minħabba l-imxija tal-Covid. Il-qżież m’hemmx iktar postu ma’ Juventus! It-tim li rridu nibdew nibnu s-sena d-dieħla jrid ikun ibbażat mhux biss fuq it-talent imma anki fuq l-imħabba li l-plejers għandhom lejn it-tim. Li fil-ġimagħtejn ta’ wara t-telfa umiljanti kontra Benevento plejer bħal Dybala jdarras lis-supporters l-ewwel b’filmat fuq Instagram fejn jidher jikkummiedja mal-partner tiegħu u wara jinqabad f’din l-ikla/festa hi ħaġa tal-mistħija! Jien wieħed minn dawk li lil Dybala nħobbu immens u nemmen li dan l-istaġun morna ħażin anki għax ma kienx hemm hu fil-grawnd. Biss issa nqabeż kull limitu u ma naħsibx li qed juri li Juventus għadhom prijorità għalih. Moħħu iktar fil-ħajja privata u Juventus jixirqilhom aħjar minn hekk!!

Matthew Scerri

Aktar inkwiet b’rabta mal-ikla fir-residenza ta’ McKennie

L-istorja tal-ikla fil-villa ta’ McKennie jaf tkun iktar serja milli kien maħsub għall-ewwel. La Stampa qed tirraporta li meta l-Carabinieri marru fil-villa ta’ McKennie għall-ħabta tal-11.30 ta’ billejl, ħadd ma ried jiftħilhom. Il-Carabinieri damu madwar siegħa barra mill-kanċell u mbagħad wara tħallew jidħlu. Jidher li McKennie jista’ issa jkun mixli li ma kkoperax u li rreżista għall-ordnijiet tal-Carabinieri. Jista’ jkun ukoll li anki l-mistednin l-oħra jkunu mixlija bl-istess mod.

Matthew Scerri

Dybala jiskuża ruħu

Paulo Dybala skuża ruħu pubblikament talli mar ikla u dam barra. “Naf li f’mument tant diffiċli fid-dinja minħabba l-Covid ikun aħjar li ma tiżbaljax. Żbaljajt li domt barra għal ikla. Ma kinitx festa, imma xorta żbaljajt u niskuża ruħi.” Hekk kiteb Dybala fuq Instagram.

Matthew Scerri

Ħafna xnigħat dwar Dybala

L-għidut dwar il-futur ta’ Dybala mhuma jieqfu xejn. Bħalissa qed jissemma b’saħħa li Tottenham lesti jressqu offerta tajba lil Juventus għall-istilla Arġentina. Sorsi oħra qed isostnu li Juventus jaf se jkunu qed ipartuh ma’ Dembele jew Griezmann das-sajf.

Matthew Scerri

X’qed jingħad dwar Dybala

X’se jkun il-futur ta’ Paulo Dybala? Domanda li hi fuq fomm kull supporter ta’ Juventus. Li nafu fiċ-ċert hu li Juventus ilhom kważi sentejn f’taħdidiet mal-aġent tiegħu sabiex jiġġedded il-kuntratt tiegħu. S’issa għadu ma nstab ebda ftehim. L-għidut hu li t-talba ta’ Dybala hi ferm għola minn dak li Juventus lesti joffrulu. Hemm diversi xnigħat li Juventus lesti jbigħuh das-sajf. Qed jingħad li xi klabbs tal-Premier League, fosthom Tottenham u Manchester United, lesti joffru 50 miljun Ewro għalih. Juventus, min-naħa tagħhom, qed jitolbu 75 miljun Ewro, somma li tista’ twassalhom għall-akkwist ta’ stilla tipo Pogba.

Matthew Scerri

Messaġġ mill-isbaħ min-naħa ta’ Dybala

“Xejn ma kien jagħmilni aktar kuntent milli ngħin lit-tim f’dax-xahrejn. Is-sofferenza hi l-istess jew anzi ikbar meta ma tkunx tista’ tkun fil-grawnd ma’ sħabek. Fadal xahrejn biex inkomplu għaddejjin u issa iktar minn qatt qabel irridu nkunu magħqudin. Qed inkompli nittrenja u jiġri nkun flimkien ma’ sħabi wara l-waqfa.” u issa iktar minn qatt qabel irridu nkunu magħqudin. Qed inkompli nittrenja u jiġri nkun flimkien ma’ sħabi wara l-waqfa.”

Żewġ klabbs tal-Premier League b’offerta għal Dybala

Chelsea u Tottenham huma lesti joffru 55 miljun Ewro għal Paulo Dybala skont France Football u The Sun. Il-prezz ta’ Dybala qed jitbaxxa peress li hu għandu kuntratt ma’ Juventus li jiskadi fl-2022. Konvinti li jekk Dybala mhuwiex se jiffirma kuntratt ġdid ma’ Juventus fix-xahrejn li ġejjin, se nqattgħu sajf sħiħ nisimgħu b’timijiet interessati li jiksbuh. Min-naħa tagħna nemmnu li Dybala ħaqqu kuntratt ġdid ma’ Juventus (speċjlament meta tqis li hu dejjem stqarr li ma jridx jitlaq) u, fuq kollox, li tkun ħaġa stupida immens li Juventus jirriskjaw li jitilfuh b’xejn sena u nofs oħra.

Matthew Scerri

Dybala forsi lura fl-azzjoni f’Sibt il-Għid

Paulo Dybala jaf jirritorna fl-azzjoni nhar Sibt il-Għid. Pirlo stqarr illum li se jsir tentattiv biex fil-waqfa li se jkun hemm wara fi tmiem ix-xahar, Dybala jgħaddi għal fażi iktar intensiva tat-taħriġ tiegħu u hekk ikun jista’ jirritorna għal-logħob wara l-waqfa. Jekk dan verament iseħħ, allura Dybala jkun qed jilgħab mill-ġdid fid-Derby.

Matthew Scerri