Posts

Nedved isostni li Pirlo u Ronaldo se jibqgħu ma’ Juventus

F’intervista mogħtija lil Dazn, Pavel Nedved stqarr li Pirlo se jibqa’ 100% kowċ ta’ Juventus ank is-sena d-dieħla. Spjega li Juventus kienu konxji dwar id-diffikultajiet li setgħu jingħalqu u, minkejja li kienu qed jistennew li l-affarijiet imorru aħjar, xorta għadhom jemmnu li qabdu t-triq it-tajba. Dwar Ronaldo, Nedved qal: “Għandu kuntratt sal-2022 u għalija se jibqa’ anki s-sena d-dieħla. X’se jiġri wara għad irridu naraw.”

Matthew Scerri

Min jista’ jieħu post Pirlo

Kif kien mistenni wara t-telfa kontra Benevento beda l-għidut dwar min jista’ jieħu post Pirlo bħala kowċ ta’ Juventus. Ħafna supporters qed joħolmu li jkun hemm ritorn ta’ Allegri, biss jidher li min-naħa tiegħu jinsab iktar interessat f’timijiet oħra (Roma, Napoli jew Tottenham). Zidane għadu jkun indikat bħala l-favorit ta’ Agnelli, imma anki hawn wieħed irid jara kemm verament se jkun qed jitlaq lil Real Madrid. Ismijiet oħra li qed isiru huma dawk ta’ Simone Inzaghi, Gasperini, Mihajlovic u Spalletti. Inzaghi, b’mod partikolari, għadu ma sbax ftehim ma’ Lazio għall-kuntratt il-ġdid u qed jissemma li se jitlaqhom. Gasperini u Mihajlovic huma meqjusa bħala profili li jistgħu jgħinu fit-tiġdid tal-klabb billi jdaħħlu fis-sistema tagħhom ħafna talenti żgħar. Spalletti, imbagħad, hu kowċ rebbieħ li ġej minn esperjenza negattiva ma’ Inter (imma bħalu kważi kulħadd falla ma’ Inter fl-aħħar għaxar snin!).

Matthew Scerri  

Ħafna għidut. Pirlo qed jirriskja li jitlef postu!

Fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa kellna ħafna aħbarijiet dwar il-futur ta’ Pirlo ma’ Juventus. Sportmediaset taw l-aħbar li saret laqgħa bejn Pirlo, Agnelli, Nedved u Paratici. S’issa, però, ma kellna ebda konferma li dil-lagħa seħħet verament. Tuttosport, imbagħad, qed tirraporta li Juventus għarrfu lil Pirlo li jekk jitlef partita oħra se jitkeċċa. Sorsi oħra qed isostnu li Pirlo ġie kkonfermat sa tmiem l-istaġun, biss jaf li jekk Juventus ma jidħlux fiċ-Champions League, mhux se jibqa’ kowċ tal-Bianconeri s-sena d-dieħla. X’inhi l-verità ħadd ma jaf eżattament. Li hu ċert hu li resqin lejn bidla fit-tmexxija tat-tim, bidla li tista’ sseħħ fil-qrib jew fis-sajf. Nemmnu li m’hemmx il-kundizzjonijiet biex Pirlo jibqa’ ma’ Juventus fl-2021/22.

Matthew Scerri

Laqgħa importanti dwar l-istaġun Juventin

Illum waranofsinhar allegatament għaddejja laqgħa li għaliha huma preżenti Andrea Agnelli, Pavel Nedved, Fabio Paratici u Andrea Pirlo. John Elkann ukoll mistenni jingħaqad magħhom permezz ta’ videocall. Skont Sportmediaset dil-laqgħa qed issir biex ikun hemm analiżi sew tal-mument delikat li Juventus għaddejjin minnu hekk kif tilfu l-opportunità li jirbħu l-kampjonat u ċ-Champions League. La Stampa qed tirraporta li wara l-partita tal-bieraħ fid-dressing room ta’ Juventus l-ambjent ma kienx pjaċevoli b’ħafna għajjat u insulti. Pirlo stess wara l-partita qal kliem iebes fil-konfront tal-plejers. Jirriżulta li Agnelli hu urtat immens bil-mod kif sejrin l-affarijiet u, ngħiduha kif inhi, il-biża’ ta’ kulħadd issa hi li Juventus ma jiġux lanqas mal-ewwel erba’ fil-klassifika. Minn dak li nafu, jidher li għalissa m’hemmx ir-riskju li Pirlo jitkeċċa b’mod immedjat, għalkemm xejn ma jista’ jiġi eskluż.

Matthew Scerri

Filmat: Kliem Pirlo fi tmiem Juventus-Lazio

https://www.youtube.com/watch?v=aucEs6CqYYg