Posts

Gravissimu! Napoli probabbli ma segwewx il-protokoll

Il-kwistjoni ta’ Juventus-Napoli jaf hi iktar kumplessa minn kemm ħsibna u probabbli li hemm responsabbiltajiet gravi min-naħa ta’ Napoli. Andrea Agnelli lbieraħ tefa’ l-lixka u probabbli li kellu raġun. L-ASL, fil-fatt, jaf kellha tieħu l-passi li ħadet minħabba li Napoli ma segwewx il-protokoll tal-FIGC. Mal-ewwel każ ta’ pożittività, dawk ta’ Zielinski u tal-membru tal-istaff biex niftehmu, il-bqija tat-tim kellu jibda iżolament li qed jissejjaħ ‘fiducario’. Fi ftit kliem, it-tim seta’ jkompli jittrenja u jilgħab bil-patt però li kellu jingħata l-kuntatt ma’ Zielinski/il-membru tal-istaff u ma’ nies oħra esterni. Napoli jidhru li m’għamlux dan u komplew għaddejjin qisu xejn mhu xejn. Juventus nhar is-Sibt, malli nstabu żewġ ħaddiema bil-virus, immedjatament bdew l-iżolament ‘fiduciario’ kif jitlob il-protokoll. Issa wieħed irid jara x’se tkun id-deċiżjoni tal-FIGC dwar il-każ u jekk humiex se jittieħdu passi dixxiplinari anki għall-ksur tal-protokoll. Wara d-deċiżjoni tal-FIGC irridu mbagħad nistennew battalja legali twila fil-Qrati.

Matthew Scerri

Juventus jinsabu fl-Allianz Stadium

Juventus qed jonoraw l-istruzzjonijiet tal-Lega Calcio u jinsabu fl-Allianz Stadium għall-partita kontra Napoli. Nafu li l-partita mhix se tintlagħab għas-sempliċi raġuni li Napoli ma marrux Turin.

Tħabbar li Juventus se jilagħbu b’dawn il-plejers: Szczesny; Danilo, Bonucci, Chiellini; Cuadrado, Arthur, Bentancur, Kulusevski; Ramsey; Ronaldo, Dybala.

Infakkru li Juventus għandhom l-obbligu li jinżlu fil-grawnd għax inkella l-Lega Calcio u l-FIGC jieħdu passi kontrihom ukoll.

Matthew Scerri

Rebħa walkover għal Juventus u punt imnaqqas għal Napoli

Juventus-Napoli llejla mhux se tintlagħab minħabba li Napoli ma marrux Turin għall-partita. Dan ifisser li se jittieħdu passi dixxiplinari fil-konfront ta’ Napoli. Juventus se jingħataw rebħa walkover ta’ 3-0, filwaqt li Napoli x’aktar jitnaqqsilhom punt fil-klassifika.

Matthew Scerri

Il-Lega ttenni: “Juventus-Napoli trid tintlagħab illejla”

Il-Lega Calcio ħareġ stqarrija oħra b’rabta mat-talba ta’ Napoli biex il-partita tal-lejla tkun posposta. Skont il-Lega, id-dokumenti li għaddewlhom Napoli ma jippruvawx li l-awtoritajiet lokali jew nazzjonali ordnawlhom biex ma jmorrux Turin jilagħbu l-partita. Skont il-Lega fid-dokumenti li ġew mgħoddija lilha, l-awtoritajiet tar-reġjun tal-Campania ordnaw li jkunu taħt kwarantina l-‘contatti stretti’ ta’ Zielinski u Elmas (biex niftehmu dawk il-kuntatti huma l-qraba u mhxu il-plejers l-oħra tat-tim skont ma kien ġiet stipulat mill-Kumitat Tekniku-Xjentifiku u l-Ministeru tas-Saħħa). Fl-istqarrija tal-Lega naqraw li r-regoli jridu jiġu rispetti minħabba kwistjoni ta’ lealtà sportiva u anki sabiex kulħadd ikun ittrattat bl-istess mod. Issemmew il-każijiet ta’ plejers pożittivi f’timijiet oħra, liema timijiet xorta niżlu għal-logħob. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan kollu, Juventus-Napoli trid tintlagħab illejla.

Matthew Scerri

Rebħa Walkover?

Ir-regolamenti huma ċari u kienu maqbula dil-ġimgħa stess waqt laqgħa tal-Lega Calcio: il-partiti ma jistgħux jitħassru sakemm tim ikollu tlettax-il plejer li jistgħu jinżlu fil-grawnd. Kull tim għandu d-dritt li darba fis-sena jitlob li partita titħassar jekk ikollu minn tal-inqas għaxar plejer bil-Covid. Ir-regolamenti jgħidu ukoll li dar-regoli ma jgħoddux biss jekk ikun hemm ordni min-naħa ta’ awtoritajiet lokali jew nazzjonali biex partita ma tintlagħabx.

Minn dak li nafu s’issa, Napoli għandhom biss żewġ plejers pożittivi u l-ebda awtorità ma ħarġet ordni biex it-tim ma jmurx Turin għall-partita tal-lejla. Il-Lega Calcio kkonfermat li l-partita se tintlagħab b’mod regolari. Fi kliem ieħor jekk Napoli llejla ma jkunu Turin għall-partita, huma se jkunu qed jingħataw telfa walkover ta’ 3-0.

Matthew Scerri

Ħadd ma jidher li ordna li Napoli ma jmorrux Turin!

L-aġenzija tal-aħbarijiet Ansa żvelat b’mod esklussiv li rat kopja tad-dokumenti li l-ASL ta’ Napli (jiġifieri l-awtorità tas-saħħa lokali) għaddiet lit-tim ta’ Napoli. Fid-dokument ma hemm l-ebda ordni biex il-plejers ta’ Napoli ma jmorrux Turin u jibqgħu minflok kwarantina f’darhom. Fi kliem ieħor Napoli setgħu jivvjaġġaw lejn Turin li kieku riedu. L-uniku ordni tal-ASL jidher li kien li t-tim irid ikun maqtugħ kemm jista’ jkun mill-bqija tan-nies l-oħra. Barra minn hekk irid jerġa’ jsir swab test illum bir-riżultat li joħroġ qabel il-partita.

Matthew Scerri

L-istqarrija tal-Lega Calcio: “Il-partita se tintlagħab”

Il-Lega Calcio kkonfermat permezz ta’ stqarrija uffiċjali li l-partita Juventus-Napoli ma tħassritx. Il-partita għadha se tintlagħab illejla fid-8.45 p.m.

Matthew Scerri

L-istqarrija ta’ Juventus: “Se ninżlu għal-logħba”

Permezz ta’ stqarrija uffiċjali, Juventus ħabbru li huma se jkunu qed jinżlu fil-grawnd għall-partita b’mod normali llejla fid-8.45 p.m.

Matthew Scerri

Napoli ma tħallewx jitilqu lejn Turin!

Hemm ċans kbir li Juventus-Napoli se jkollha titħassar ukoll. L-awtoritajiet tas-saħħa tal-belt ta’ Napli żammew lit-tim Naplitan milli jitlaq lejn Turin. Is-sitwazzjoni bħalissa tidher inċerta ferm u għaddejjin taħdidiet bejn Napoli u l-awtoritajiet biex jifhmu x’se jiġri. Ftit tal-minuti ilu tħabbar li hemm anki żewġ ħaddiema ta’ Juventus (la mhumiex plejers u lanqas parti mill-istaff tekniku jew mediku) li huma pożittivi. It-tim Juventin jinsab f’iżolament. F’dan l-istadju xejn ma jista’ jiġi eskluż. Is-sens komun jgħidlek li l-partita għandha titħassar biex tkun imħarsa s-saħħa ta’ kulħadd. Nifhmu però li hemm interessi oħra qawwija li jistgħu jwasslu, b’xorti ħażina, għal deċiżjoni oħra.

Matthew Scerri

Kif x’aktarx se jilagħbu Juventus u Napoli

Juventus (3-4-1-2): Szczesny; Danilo, Bonucci, Chiellini; Cuadrado, Bentancur, Arthur, Frabotta; Ramsey; Ronaldo, Kulusevski.

Napoli (4-3-3): Ospina: Di Lorenzo, Manolas, Koulibaly, Hysaj; Rabian Ruiz, Demme, Lobotka; Lozano, Osimhen, Mertens.

Sors: Calciomercato.com