Dybala u Ronaldo jagħmluhom mija!

Cristiano Ronaldo u Paulo Dybala skurjaw il-100 gowl tagħhom personali bil-flokk ta’ Juventus. Interessanti li Ronaldo skurja dan l-ammont ta’ gowls fi tliet staġuni biss, filwaqt li Dybala ilu sitt snin ma’ Juventus. Nittamaw li Ronaldo u Dybala jibqgħu ma’ Juventus anki s-sena d-dieħla u li jkomplu jiskurjaw ħafna iktar minn hekk.

Matthew Scerri

L-Uefa tiftaħ inkjesta dwar it-tliet timijiet li għadhom involuti fis-Super League

L-Uefa qabbdet lill-Bord tad-Dixxiplinari sabiex tinvestiga lil Juventus, Real Madrid u Barcellona b’rabta mas-Super League. Huma se jkunu qed jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-każ u eventwalment jaraw x’passi għandhom jittieħdu.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Kif se jibdew Sassuolo u Juventus

Sassuolo (4-2-3-1): Consigli; Toljan, Marlon, Ferrari, Kyriakopoulos; Obiang, Locatelli; Berardi, Traorè, Boga; Raspadori. 

Juventus (4-4-2): Buffon; Danilo, De Ligt, Bonucci, Alex Sandro; Chiesa, Arthur, Rabiot, Kulusevski; Dybala, Ronaldo. 

Riflessjonijiet Juventini (It-Tielet Parti): Il-plejers

Din is-sena kif nafu sewwa kellna kważi nagħmlu rinunċja mportanti ta’ Dybala. Nafu kemm hu player ta’ talent tekniku għoli u li żgur seta jgħin lit-tim biex jinqala minn dawn il-mumenti diffiċli. Nafu kemm hu player li jaf jgħaqqad il-midfield mal-attakk bit-teknika li għandu kif ukoll itina iktar soluzzjonijiet offensivi speċjalment biex nivvertikaliżżaw. F’dawn il-logħbiet tal-aħħar ħassejna ħafna ukoll in-nuqqas ta’ Enrico Chiesa li spiss bl-aċċellerazzjonijiet tiegħu irnexxielna nsibu l-lasta. Ma nistgħux ma nsemmux lil Cristiano Ronaldo – player li ma għandu bżonn l-ebda introduzzjoni. Il-work rate tiegħu, il-forza mentali u s-sens naturali li jsib il-lasta b’mod kontinwu għamlu minnu player ferm determinanti. L-iżball li sar b’Ronaldo hu li fl-opinjoni umli tieghi, id-diriġenza straħet li ġabet lilu u ma ppruvatx forsi b’insistenza tarma midfield b’saħħtu li jikkomplimenta t-talent enormi ta’ Ronaldo.

Diżappunt ieħor li ħadt waqt l-istaġun kien li filli kien il-waqt li naraw lil Fagioli jilgħab, speċjalment wara diversi kliem ta tifħir lejh anki minn Allegri xi staġuni ilu, u mbagħad rajna anti-climax enormi u rajnih jisparixxi mingħajr ma jxomm il-pitch mal-ewwel tim. Kulħadd kien konvint li bl-użu ta’ dan ilplayer, li skont ħafna inkluż jien konna naħsbu li kellu viżjoni ta’ logħob tajjeb u teknika tajba wkoll, ser ngħollu l-livell tal-logħob f’nofs il-ground. Players bħal Morata u McKennie kienu ftit ta’ diżappunt mal-medda tal-istaġun – kellhom bidu tajjeb ħafna imma imbagħad sfortunatament ma rajniex l-istess kontinwita’. Ħaġa oħra ftit diżappuntanti hija n-nuqqas ta’ fullbacks li jipproponu soluzzjoni offensiva
konkreta u jgħinu b’mod effettiv il-logħba tat-tim meta jkun fl-attakk bi crosses li jisfruttaw players b’talent kbir fl-akrobazija bħal Ronaldo nnifsu – mhux qatt ma rajniha li jisfrutta t-talent tiegħu f’din il-ħaġa imma kienet rari wisq u mhux kontinwa.

Se nagħlaq dan l-artiklu bl-isperanza li nara t-tim li tant inħobb jikseb riżultati posittivi b’logħob almenu ftit iktar konvinċenti milli rajna f’dan l-aħħar, fil-logħbiet li għad fadal. Għaliex le, ma nistax ma nfaħħarx il-fatt li t-tim ta’ qalbi b’serje ta rebħ staġun wara staġun – 9 snin mhu xejn affattu faċli tirbaħ u terġa tirbaħ u jien kburi b’dak li rnexxielu jibni l-klabb tagħna. Nispera u nixtieq u anki fiduċjuż li nerġgħu naraw il-Juventus, skwadra tant maħbuba minn ħafna supporters, jerġgħu jiftħu ċiklu ta’ rebħ li jpaxxina fis-snin li ġejjin.

Massimo Grioli

Riflessjonijiet Juventini (It-Tieni Parti): Il-kowċ

Il-kwistjoni tal-kowċ huwa fattur determinanti ta’ dan ir-rigress u ma nistgħux naħbu l-fatt li ilha ġejja diversi staġuni. Bdiet minn meta il-klabb iddeċieda jibdel ir-rotta mill-futbol pragmatiku imma vinċenti ta’ Allegri għat-tentazzjoni kbira li jinbidel it-trend u tefgħu għajnejhom fuq kowċ li suppost ġab futbol ta’ attakk sabiħ u veloċi – mossa li forsi tiġi nterpretata fi sforz tal-klabb li jieħu dimensjoni differenti biex nirrenjaw fl-Ewropa wara waqfa ta’ snin twal ma nieħdu l-ebda unur fil-livell Ewropew għalkemm kulħadd jaf li morna darbtejn verament viċin, fl-2015 u 2017. Għalkemm f’dawn
l-istaġuni morna viċin ta’ żewġ tripletti, jibqa l-fatt li r-rebħa tal-unur ma ġietx konkretiżżata. Kulħadd jaf sewwa li ġaladarba il-motto tal-klabb huwa ‘Vincere non e’ importante ma e’ l’unica cosa che conta’ ma nistgħux nifirħu bil-fatt għax tlajna final ta’ tazza mingħajr ma nirbħuha, għalkemm ma nistgħux ninsew il-merti kbar li wasalna għad-9 scudetti konsekuttivi, b’ 4 minnhom doubles konsekuttivi. Waqt programmi sportivi li nsegwi, meta jitkellmu fuq l-istaġun Juventin kurrenti u dawk tas-sena l-oħra u forsi ta’ qabel ukoll, spiss iqum il-punt interrogattiv li nħlew staġuni b’tibdil wieħed wara l-ieħor tal-kowċ.

Kull bidla ta’ kowċ twassal għal sitwazzjoni li jinbeda kollox minn żero u proġett ġdid kull darba. Bdil wieħed ġiena żewġ f’dawn l-aħħar snin – dak ta’ bejn Antonio Conte u Massimiliano Allegri. Konna fortunati li Allegri kien kapaċissimu li jkompli l-legacy li ħalla Conte fil-gwida teknika anki minħabba lfatt li Allegri kien umli u intelliġenti biżżejjed biex ma jaqlibx id-dinja ta’ taħt fuq meta ħa l-gwida teknika imma pprova kemm jista’ jagħti kontinwita’ wara li kulħadd jaf sewwa kif ħalla il-kulħadd lampa stampa Conte f’dak il-bidu ta’ preseason 2014-2015. Meta il-klabb iddeċieda jaħtar lil Sarri, jien fil-bidu appoġġjajt bi sħiħ il-bidla u verament emmint li ser tkun bidla posittiva biex naraw logħob iktar attrajenti li forsi seta jerġa jrebbaħna unuri fl-Ewropa. Li kieku ma qrajtx jew informajt ruħi li Sarri ma
bediex fuq sieq tajba mal-iskwadra, kont nemmen li kellu jiġi kkonfermat għal staġun ieħor biex jagħti kontinwita’ lill-ewwel staġun ta’ xogħolu mat-tim. Biss inħolqu diversi problemi – waħda minnhom li ma ingħaqadx tajjeb mal-players, speċjalment mal-veterani, li wasslet ghal separazzjoni prematura u inevitabbli. Pero’ inħoss li meta il-klabb iddeċieda li ma jkomplix bil-gwida teknika ta’ Sarri, id-diriġenza għaġġlet esaġerat fil-ħatra ta’ Pirlo bħala kowċ tal-ewwel skwadra meta kulħadd jaf li l-pjan oriġinali kellu jkun li jsir kowċ tal-Under 23.

Il-ħatra ta’ Pirlo kienet ħallietni sorpriż u forsi anki xxokjat fil-bidu għax kelli sentiment qawwi li kienet se tkun għażla ażżardata għalkemm kuraġġuża. Xi ġranet wara lħatra imbagħad bdejt nipprova naqleb għal ħsieb posittiv li setgħet saret għażla kuraġġuża li l-quddiem twassal għal benefiċċji kbar. Fl-ewwel logħba tal-league ma’ Sampdoria konna rajna logħob fluwidu li forsi inkonxjament għollietli hafna t-tama li ser ikollna staġun super imma llum qed ninduna li kienet ftit ta’ illużjoni fierħa. Hija ħasra kbira li ġara hekk anki għall-passat glorjuż bħala player tal-persunaġġ Pirlo. Id-diżappunt tiegħi u ta’ ħbieb viċin tieghi li magħhom niddiskuti viċendi Juventini joħroġ qawwi l-fatt li spiss rajna lil Pirlo ibiddel il-formazzjoni, imma qatt ma jipprova isib 11 il-player bażi u din forsi distabiliżżat l-andament tar-riżultati. Diżappuntanti wkoll, l-issoktar ta’ l-istess tip ta żbalji bħal back passes li spiss tefgħu id-difiża f’diffikulta’ estrema – rajniha f’logħba li kienet tkun deċiżiva għall-istaġun mal-Porto meta minn żball fuq backpass lejn il-goaler inħoloq il-goal kontrina li forsi kkompromettiet il-kwalifikazzjoni għall-kwarti tal-finali tac-Champions League. Tarġa mportanti kienet tkun kieku ghaddejna, speċjalment b’benefiċċju finanzjarju li l-klabb ferm għandu bżonn bħalissa. Qed indunaw li t-tim issa spiċċa fi stat konfużjonali li ftit jgħin biex nerġgħu nqumu fuq tagħna u almenu niċċentraw il-kwalifikazzjoni għaċ-Champions League kif ukoll itini tama mportanti li nirbħu il-finali tal-Coppa Italia kontra Atalanta – wara il-loghba tal-weekend li għadda, għalkemm jien bniedem pjuttost pożittiv fejn jidħlu l-Juventus, nammetti li rridu veru prestazzjoni tajba issa biex nirbħu din it-tazza!

Massimo Grioli

Riflessjonijiet Juventini (L-Ewwel Parti): L-impatt tal-Covid

Mhu faċli xejn bħalissa titkellem fuq x’qieghed għaddej fl-ambjent Juventin. Kif qbadt il-pinna illum
biex nikteb dan l-artiklu, friska wisq il-weġgħa wara t-telfa li ħadna mal-Milan il-Ħadd li għadda. Rajna
l-iskwadra mhux biss titlef il-logħba, imma lanqas biss f’logħba sħiħa ma tesprimi loghob u tersaq
b’mod perikoluż lejn il-lasta avversarja. X’seta wassal għal din il-metamorfosi negattiva f’dan l-istaġun?
Diversi fatturi taw kontribut negattiv. Provajt naħseb ftit x’seta wassal għal staġun daqshekk negattiv
li tefagħna lura fiż-żmien ta’ qabel inħatar Andrea Agnelli bħala President.

Covid – Il-pandemija tal-Covid-19 żgur kellha effett devastanti minn ħafna angoli – speċjalment in-nuqqas ta’ impatt emottiv li kapaċi jagħti stadium mimli nies – kif jgħidu bit-taljan ‘id-dodicesimo
uomo in campo’. Semmiha telekronista popolari l-Ħadd li għadda, fil-programm ta’ wara l-logħba, u
kelli ntih raġun f’li qal li l-Allianz Stadium jaf iqajjem atmosfera unika bejn l-istands u l-pitch meta jkun
hemm is-supporters – ta’ dan jien spiss kont xhud billi diversi drabi tlajt narahom jilgħabu ġo Turin. Innaħa l-ohra tal-munita f’dan l-argument hi li timijiet bħal Milan, in-nuqqas ta’ nies fil-ground kien ta’
benefiċċju għall-iskwadra taghhom – ħaġa totalment opposta għal dak li ġara lill-iskwadra tal-qalb
tagħna. Meta nsemmu l-pandemija, ma nistgħux ninjoraw l-impatt negattiv li ħalliet fuq il-finanzi talklabb speċjalment meta iridu jitħallsu xorta il-pagi għoljin tal-players. Fatt bħal dan żgur ikollu
riperkussjonijiet koroh anki fuq il-kampanja ta’ trasferimenti fejn nafu li għall-istaġun li jmiss hemm
bżonn li d-diriġenza tinvesti fuq players ta’ stoffa speċjalment fil-midfield u anki fuq il-linji – lemin u
xellug.

Massimo Grioli

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (12 ta’ Mejju 2021)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum it-12 ta’ Mejju 2021.

Gravina: “Ottimist li se tinstab soluzzjoni”

Fl-aħħar tliet ijiem kellna numru ta’ dikjarazzjonijiet min-naħa tal-President tal-FIGC, Gravina, liema dikjarazzjonijiet xi ftit jew wisq mhux dejjem jaqblu ma’ xulxin. Hu l-ewwel stqarr li jrid ikun medjatur fis-sitwazzjoni ta’ tensjoni bejn Juventus u l-Uefa minħabba s-Super League. Imbagħad, ftit sigħat wara, l-istess Gravina hedded lil Juventus li ma jitħallux jilagħbu fis-Serie A jekk ma jitilqux mis-Super League. Issa lbieraħ, Gravina reġa’ tkellem dwar dis-sitwazzjoni. Hu qal li tkellem ma’ Agnelli u, filwaqt li tenna li r-regoli huma regoli u li hu ma jista’ jħares lejn wiċċ ħadd, fl-istess ħin però sostna li jinsab ottimist li tista’ tinstab soluzzjoni għall-ġid ta’ kulħadd.

Matthew Scerri

Bħal-lum fil-passat (12 ta’ Mejju)

Il-filmat li qed inwasslulkom illum joħodna lura eżattament erbatax-il sena. Il-partita kienet Juventus-Bologna. Skor finali 3-1.