Kjarifika mill-Avukatessa Turco dwar it-telefonati li ħarġu llum
L-avukatessa Maria Turco ħarġet stqarrija fejn iċċarat il-pożizzjoni tagħha dwar it-telefonati żvelati mill-Corriere della Sera. Hi spjegat li t-telefonati ma ttiħdux fil-kuntest it-tajjeb tagħhom. Hi kienet qed tassisti lill-avukati ta’ Suarez peress li hu reid jikseb iċ-ċittadinanza Taljana. It-telefonati saru bħala follow-up għall-emails bejn l-avukati ta’ Saurez u l-Università. L-avukatessa Turco sostniet li fit-telefonati hi appellat sabiex l-eżami jsir fil-preżenza fiżika ta’ Saurez u qatt ma talbet xi tip ta’ trattament privileġġat għall-attakkant Urugwajan. L-istqarrija ttemm tgħid li l-klabb li ried jirreġistra lil Suarez (tajjeb ngħidu li hi qatt ma semmiet lil Juventus fl-istqarrija) kienetbidel fehmtu u dawwar ħarstu fuq plejers oħra fil-mument li dan kollu kien qed jiġri.
Matthew Scerri
Avukatessa qrib Juventus implikata fil-każ tal-eżami ta’ Suarez
Juventus sfaw implikati fl-iskandlu marbut mal-eżami ta’ Luis Suarez. Il Corriere della Sera żvelat li l-Guardia di Finanza għandha f’idejh tliet telefonati li l-avukatessa Maria Turco kellha ma’ Simone Oivieri, li hu d-Direttur Ġenerali tal-Università per Stranieri ta’ Perugia. Allegatament fit-telefonati l-partijiet jiftehmu dwar meta u kif se jsir l-eżami ta’ Suarez. Hemm anki telefonata fejn l-avukatessa Turco twiegħed li se tieħu aktar plejers għal testijiet simili fil-futur.
U Juventus fiex jidħlu? L-avukatessa Turco taħdem fl-istudju ta’ Luigi Chiappero li ilu snin l-avukati li jużaw Juventus f’każijiet importantui. L-allegazzjonijiet huma li l-avukatessa Turco kienet qed tagħmel dat-telefonati f’isem Juventus u allura beda proċess medjatiku b’sejħa għal passi kontra Juventus.
Matthew Scerri
Aktar minn elf supporter fl-Allianz Stadium għall-partita Juventus-Napoli?
Intervistat minn Radio Kiss Kiss, il-President tar-Reġjun Piemonte, Alberto Cirio sostna li hemm pjan sabiex għall-partita Juventus-Napoli hemm pjanijiet biex jitħallew jidħlu iktar minn elf supporter fl-Allianz Stadium. Fi kliemu l-protokoll dettaljat ilu lest minn Lulju u jekk is-sitwizzjoni sanitarja tkun tippermetti, se jsir tentattiv biex jidħlu iktar nies minn kemm kien hemm fl-okkażjoni ta’ Juventus-Sampdoria.
Matthew Scerri
Uffiċjali: Morata b’self ma’ Juventus
Andrea Pirlo għandu issa l-attakkant il-ġdid għat-tim tiegħu. Alvaro Morata ngħaqad b’self ma’ Juventus, liema self ġie mħallas 10 miljuni minn Juventus. Fil-ftehim bejn Juventus u Atletico Madrid hemm il-possibbiltà li fis-sajf 2021 il-Bianconeri jerġgħu jżommu lil Morata b’self bil-ħlas ta’ 10 miljuni oħra jew inkella jixtruh għal kollox għal 45 miljun. F’każ li anki s-sena d-dieħla Morata jibqa’ b’self ma’ Juventus, fl-2022 il-Bianconeri jkunu jistgħu jixtruh għal 35 miljun.
Matthew Scerri
Inkjesta dwar allegati irregolaritajiet b’rabta mal-eżami ta’ Suarez
Infetħet inkjesta dwar allegati irregolaritajiet marbutin mal-eżami tat-Taljan li għamel Luis Suarez fl-Università per Stranieroi ta’ Perugia. L-akkuża hi li Suarez kien jaf minn qabel x’se jaqsuh waqt l-eżami, kif ukoll il-marka kienet assenjata lilu qabel għamel l-eżami.
Qabelxejn infakkru li Suarez għamel dan l-eżami għax talab li jingħata ċ-ċittadinanza Taljana. It-trasferiment tiegħu ma’ Juventus ma setax iseħħ mingħajr ma hu jkollu passaport Taljan. Fis-Serie A hemm limitu fuq kemm klabb jista’ jirreġistra plejers extra-komunitarji u Juventus kienu laħqu dan il-limitu bl-akkwist ta’ McKennie. M’hemmx limitu fuq reġistrazzjoni ta’ plejers komunitarji u allura Suarez seta’ jkun akkwistat biss jekk iġib iċ-ċittadinanza Taljana. Hu kellu dritt għaliha minħabba li martu hi ċittadina Taljana. Hawn tajjeb ngħidu li, skont Il Fatto Quotidiano, fi Spanja min ikun miżżewweġ ma’ ċittadini komunitarju awtomatikament ikollu status ta’ komunitarju hu wkoll. Fl-Italja mhux hekk u mill-2018 ‘l hawn min jitlob iċ-ċittadinanza b’rabta maż-żwieġ irid jgħaddi minn eżami tat-Taljan.
L-eżami inkwistjoni hu fil-livell B1. Hu eżami kemxejn tqil (ħarira itqal mill-O Levels li nagħmlu hawn Malta f’termini ta’ kontenut għalkemm l-eżami nnifsu jkun inqas demanding) u żgur mhuwiex possibbli li wieħed jgħaddi mingħajr żmien twil ta’ tagħlim. Għaldaqstant mill-ewwel dehret stramba li Suarez għadda mill-eżami la hu qatt ma studja t-Taljan. Barra minn hekk l-eżami normalment jieħu madwar sagħtejn u għoxrin minuta, mentri Suarez lestieh f’erbgħin minuta.
L-inkjesta li semmejna qabel twieldet ftit b’kumbinazzjoni. Il-Procura ta’ Perugia kienet qed tindaga fuq xi allegati irregolaritajiet fl-Università u min xi telefonati ttippjati, irriżulta li persuni mill-Università ta’ Perugia kienu qed jiftehmu minn qabel li Suarez kellu jgħaddi akkost ta’ kollox anki jekk kelli problemi kbar jiitkellem b’mod korrett (pereżempju ma jafx jaħdem il-verbi). Il-Guardia di Finanza qed tindaga fuq dawn l-allegati irregolaritajiet.
Wara li ħarġet l-aħbar tkellem uffiċċjal tal-Guardia di Finanza, Selvaggio Sarri li kkonferma Juventus mhumiex indagati b’rabta ma’ dal-każ. Fi kliemu l-eżami sar għax Juventus kienu intenzjonati jiffirmaw lil Suarez u kellu bżonn il-passaport Taljan. Qal anki li ma saret ebda pressjoni esterna jiġifieri Juventus m’għamlux pressjoni mal-Università biex Suarez jgħaddi żgur. Li ġara, skont l-informazzjoni miġbura s’issa, kien li nies mill-Università ta’ Perugia ħadu l-inizjattiva waħidhom għax ħassew li persunaġġ tal-kalibru ta’ Suarez ma setax jeħel mill-eżami.
Matthew Scerri
Juventus għadhom biċ-ċans li jbigħu lil Douglas Costa
Douglas Costa għadu fil-mira ta’ xi klabbs Ingliżi. Apparti l-interess fih min-naħa ta’ Manchester United, issa għandna rapporti li anki Wolves iriduh. Min-naħa tagħhom, nafu li Juventus lesti jbigħuh. Jidher anki li jekk Juventus ibigħu lil Costa, il-flus li se jaqilgħu se jiġu investiti fl-akkwist ta’ Federico Chiesa.
Matthew Scerri





