Posts

Offerta kbira għal Cuadrado miċ-Ċina

Skont Fichajes.net it-tim ta’ Guangzhou Evergrande għandu lesta offerta fenomenali għal Juan Cuadrado. Il-klabb Ċiniż jidher li lest joffru kuntratt ta’ tliet snin lil Cuadrado b’paga ta’ 12-il miljun fis-sena.

Matthew Scerri

Il-klabbs il-kbar tas-Serie A jridu lil Gomez

Fil-ġimgħat li ġejjin il-Papu Gomez x’aktarx se jkun qed jitlaq lil Atalanta. Ħadd ma jaf eżattament x’ġara fid-dressing room bejnu u Gasperini. Il-firda, madankollu, tidher tassew kbira u kollox jindika li Gomez se jitlaq f’Jannar. Il-klabbs il-kbar tas-Serie A – Juventus, Milan, Napoli u Inter – diġà urew interess fih. Żgur li se nisimgħu u naqraw ħafna dwaru.

Matthew Scerri

Alaba qed jitlob wisq!

Skont OK Diario, David Alaba qed jitlob paga fenomenali ta’ 20 miljun Ewro fis-sena. Hu se jkun free-agent minn Frar ‘il quddiem u se jkun jista’ jinnegozja ma’ min irid. Diffiċli, però, li fiċ-ċirkustanza li ninsabu fihom bħalissa Alaba jsib klabb lest jissodisfa t-talbiet tiegħu.

Matthew Scerri

Cavani: “Għidt le kemm-il darba lil Juventus”

Edinson Cavani stqarr li fil-passat hu kemm-il darba ma laqax offerti li waslulu mingħand Juventus, Inter u klabbs oħra Taljani. Hu sostna li qatt ma aċċetta dal-proposti b’rispett lejn is-supporters ta’ Napoli li tawh u għadhom jagħtuh imħabba kbira.

Matthew Scerri

Camavinga jrid jitlaq lil Rennes

AS qed jirrapurtaw li Eduardo Camavinga għarraf lill-aġent tiegħu li x-xewqitu hi li jitlaq lil Rennes fi tmiem l-istaġun. L-aġent qed jaħdem biex dix-xewqa ssir realtà. Juventus u Real Madrid huma fost l-aktar interessati fih. Il-prezz li qed jissemma li Rennes se jkun qed jitolbu hu ta’ bejn 60 u 70 miljun Ewro.

Matthew Scerri

PSG lesti joffru lil Icardi bi tpartit ma’ Dybala

Rapporti minn Franza qed isostnu li PSG huma interessati b’saħħa li jiksbu lil Paulo Dybala. Fil-pjanijiet tagħhom hemm li joffru lil Juventus tpartit bejn Dybala u Icardi. Min-naħa tiegħu Icardi mhuwiex kontra li jirritorna fis-Serie A. Ma nafux imma kif jaħsibha Dybala.

Matthew Scerri

Ronaldo jrid lil Neves ma’ Juventus

Don Balon qed isostnu li Cristiano Ronaldo qed jagħmlu pressjoni biex Juventus jixtru lill-plejer ta’ nofs il-grawnd ta’ Wolves, Ruben Neves. Il-prezz tiegħu hu ta’ 50 miljun Ewro. Tajjeb ngħidu li Neves ilu snin jissemma ma’ Juventus u issa jidher li laħaq il-maturità meħtieġa biex jilgħab fi klabb importanti.

Matthew Scerri

Khedira jiċħad li offrewlu li jxolji l-kuntratt ma’ Juventus

Sami Khedira ta intervista lil Zdf fejn fost l-oħrajn tkellem dwar Pirlo u Juventus: “Irrid nilgħab, imma s-sitwazzjoni attwali ma tippidenix minn Pirlo. M’jien irrabjat għal ħadd. Kelli ħafna konfronti miegħu u nirrispettah. Nifhem li jrid jpoġġi fil-prattika l-mod tiegħu ta’ logħob. Naħseb li jekk ma tkunx tista’ tagħti sehmek fil-partita, trid tagħtih fit-training u barra l-grawnd. Meta nitlaq, irrid li Juventus u s-supporters jiftakru fija bħala plejer kbir.” Khedira tenna l-istima tiegħu fil-konfront ta’ Mourinho u Ancelotti, filwaqt li ċaħad li qatt waslitlu proposta biex ixolji l-kuntratt ma’ Juventus.

Matthew Scerri

Khedira fil-pjanijiet ta’ Everton għal Jannar

Wara l-kliem ta’ tifħir li Khedira kellu għal Ancelotti, jidher li issa verament Everton huma interessati li jiksbu lill-midfielder Ġermaniż. Everton jemmnu li l-esperjenza ta’ Khedira jaf tkun determinanti għall-ambizzjoni tagħhom li jidħlu fiċ-Champions League s-sena d-dieħla. Juventus, min-naħa tagħhom, lesti jħalluh jitlaq b’xejn u probabbli li Khedira mhux se jkun qed jitlob somma flus lil Juventus biex itemm il-kuntratt sitt xhur qabel iż-żmien.

Matthew Scerri

Paratici: “Ronaldo se jibqa’ ma’ Juventus”

Qabel Juventus-Cagliari, Fabio Paratici tkellem dwar Ronaldo u Dybala fost l-oħrajn. Hu kkonferma li minkejja l-għidut fuq il-gazzetti, Ronaldo se jibqa’ ma’ Juventus. Dwar il-mument kemxejn diffiċli ta’ Dybala fl-ewwel partiti tal-istaġun, Paratici sostna li hu kollox marbut ma’ virus li ilu jħabbtu sa mill-ewwel waqfa għall-impenji tat-timijiet nazzjonali.

Matthew Scerri