Posts

Bħal-lum fil-passat (12 ta’ April)

Illum qed inwasslulkom partita tal-1953 bejn Juventus u Milan mill-‘Archivio Storico dell’Istituto Luce’. Skor finali 1-2 għal Juventus. Il-gowls Bianconeri kellhom il-firma ta’ Praest u Boniperti.

L-aqwa siltiet ta’ Juventus-Inter

Peeters lura għal-logħob wara waqfa twila

Aħbar tassew sabiħa hekk kif Daouda Peeters reġa’ ġie mgħajjat għal-logħob ma’ Juventus Next Gen. Il-plejer Belġjan ilu madwar sena u nofs wieqaf minħabba marda fin-nervituri. Hu issa jinsab aħjar u fit-23 ta’ Marzu li għadda reġa’ beda jittrenja b’mod normali. Illum kontra Feralpisalo’ jista’ jkun li l-kowc Brambilla jagħtih ftit minuti logħob.

Matthew Scerri

L-aqwa siltiet ta’ Juventus-Verona

L-aqwa siltiet ta’ Inter-Juventus

Bħal-lum fil-passat (18 ta’ Marzu)

Il-filmat li qed inwasslulkom illum hu ta’ partita bejn Juventus u Napoli tal-1951. Filmat tassew antik li jixhed kemm il-futbol inbidel f’dawn l-aħħar 70 sena.

Juventus-Friburg. Il-plejers mgħajta minn Allegri

Il-plejers Juventini mgħajta għall-partita kontra Friburg huma:

Gowlers: Szczesny, Perin, Pinsoglio.
Difensuri: Bremer, Danilo, Alex Sandro, Gatti, Bonucci, Rugani.
Plejers ta’ nofs il-grawnd: Locatelli, Cuadrado, Kostic, Miretti, Rabiot, Paredes, Fagioli, Barrenechea.
Attakkanti: Chiesa, Vlahovic, Kean, Di Maria, Soulé.

Matthew Scerri

Xahar importanti għal Juventus

Ix-xahar li ġej mistenni jkun tassew importanti għal Juventus fil-ġlieda tagħhom barra l-grawnd sabiex inaddfu isimhom mill-akkużi li tressqu quddiemhom.

Qabelxejn dil-ġimgħa Juventus se jkunu qed iressqu l-appell kontra s-sentenza li wasslet biex tnaqqsulhom 15-il punt fil-klassifika. Juventus għandhom ċans sa tmiem il-ġimgħa biex iressqu l-appell biss, kif stqarr Calvo, huma se jkunu qed idaħħlu l-appell tagħhom kmieni l-ġimgħa d-dieħla. Imbagħad irridu naraw eżattament meta se jinstema’ l-appell.

Fl-10 ta’ Marzu, imbagħad jintemm jasal fi tmiemu ż-żmien li fih il-Procutore Federale jkun jista’ jressaq lil Juventus u klabbs oħra quddiem il-ġustizzja sportiva b’rabta mal-plusvalenze li ma kinux iddaħħlu fl-ewwel kawża. Juventus jistgħu jiġu mixlija anki li kisru r-regolamenti minħabba l-famuża ‘manovra stipendi’.

Hemm xnigħat li Juventus jistgħu jagħmlu patteġġament f’dak li għandu x’jaqsam mal-‘manovra stipendi’. Teknikament jekk Juventus jitolbu l-patteġġament qabel il-Procuratore Federale jiftaħ kawża kontrihom, ikunu jistgħu jilhwu ftehim iktar vantaġġuż (hekk għallinqas jikkuntempla l-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva). Hemm xnigħat ukoll li ż-żjara li Calvo għamel f’Ruma wittiet it-triq f’das-sens, filwaqt li l-ħatra tal-Avukati Clarizia jaf ikunu marbuta man-negozjazzjoni tal-patteġġament. Nerġa’ ngħid li dawn huma biss xnigħat u allura m’humiex ikkonfermati.

Dax-xahar ta’ Marzu se jkun importanti ukoll peress li mistennija tkompli l-kumpilazzjoni fil-Qrati Ċivili tal-kawża li nfetħet mill-Procura ta’ Turin. Juventus qed jitolbu li l-kawża timxi għall-Qorti ta’ Milan minflok dik ta’ Turin. L-Imħallef se jkun qed jiddeċiedi dwar dan. Fl-istess ħin se jkun qed jistabbilixxi jekk hemmx biżżejjed provi biex il-kawża titkompla jew inkella tiġix arkivjata.

Matthew Scerri

Il-ħrafa li l-każijiet ta’ Manchester City u Juventus huma simili

Fost il-ħafna stejjer ta’ dil-ġimgħa fuq il-media Taljana kien anki l-allegat xebh bejn il-każijiet ta’ Juventus u Manchester City. Ix-xebh li ħafna ġurnalisti qed jaraw, fil-verità ma jeżistix kif se nanalizzaw f’dan l-artiklu.

Qabelxejn tajjeb infakkru li Juventus qed jiġi mixlija li użaw b’mod irregolari l-plusvalenze, kif ukoll li l-paperwork tal-manovra stipendi ma sarx kif kellu jkun. L-awtoritajiet ċivili Taljani indagaw dwar dan kollu u l-Atti tal-inkjesta ntużaw mill-ġustizzja sportiva biex jaqtgħu s-sentenza tagħhom. Nafu li jmiss it-tieni kawża quddiem il-ġustizzja sportiva (dwar aktar plusvalenze u l-manovra stipendi), filwaqt li l-kawża fil-Qorti ċivili għadha fil-fażi bikrija.

Manchester City qed jiġu mixlija b’affarijiet kompletament differenti. Mill-informazzjoni li ngħatat mill-media internazzjonali fl-aħħar jumejn jirriżulta li Manchester City qed jiġu akkużati li wettqu irregolaritajiet bejn l-2009 u l-2018, bi ksur kemm tal-Fair Play Finanzjarju kif ukoll tar-regolamenti tal-Premier League. Qed jiġi kkuntestat lilhom li f’iktar minn 100 okkażjoni huma ma segwewx ir-regolamenti. Jidher li kollox kien beda ħames snin ilu meta ‘Der Spiegel’ kienu ppubblikaw dokumenti ‘misjuba’ minn hacker, ċertu Rui Pinto. L-Uefa kien indagat il-każ u sabet lil Manchester City ħatja li kisru r-regolamenti tal-Fair Play Finanzjarju. Imbagħad Manchester City rebħu l-appell quddiem il-Court of Arbitration for Sports (CAS). Il-Premier League, però, ma waqfitx hemm u fetħet inkjesta tagħha. Inkjesta li damet sejra erba’ snin u li matulha instab li seta’ kien hemm irregolaritajiet fit-tmexxija tal-klabb Ingliż. Il-qrati ċivili ma daħlu mkien f’din l-istorja.

Fl-istqarrija tal-Premier League naqraw li l-allegati rregolaritajiet huma marbutin fost l-oħrajn ma’: (1) dubji dwar il-korrettezza tar-Rendikont Finanzjarji tal-klabb; (2) il-ħlas lill-kowċis (Managers fl-Ingilterra) u l-plejers; (3) il-ksur tal-Fair Play Finanzjarju (li l-klabbs Ingliżi għandhom l-obbligu li jonoraw u jimxu skont il-parametri tiegħu); u (4) l-Profitability and Sustainability Rules tal-Premier League. Dan kollu fuq medda ta’ disa’ snin. Biex niftehmu Manchester City qed jiġu akkużati li taw pagi lill-kowċis u lill-plejers għal ċertu valur imma mbagħad iddikjaraw somom differenti fir-Rendikonti Finanzjarji tagħhom. Hi sitwazzjoni kompletament differenti mill-manovra stipendi ta’ Juventus li saret darba waħda biss fl-aqwa tal-pandemija Covid meta ħadd ma kien jaf jekk il-kampjonat kienx se jitkompla. Il-manovra stipendi saret fid-dawl ta’ kriżi finanzjarja li laqtet lid-dinja kollha, fi żmien meta kull kumpanija tad-dinja kienet qed tieħu l-passi tagħha biex ma tfallix. Manchester City, mill-banda l-oħra, allegatement ħbew dak li verament nefqu fi żmien ta’ prosperità u f’kuntest ta’ futbol sinjur bħal dak tal-Premier League. Apparti li marru kontra l-Fair Play Finanzjarju f’termini ta’ sponsorship u fuq kollox is-sid tal-klabb irrikorra għal manuvri fittizji biex jitfa’ fil-kaxxa tal-klabb aktar flus minn kemm seta’.

Il-plusvalenze ma jidħlu mkien fl-inkjesta dwar Manchester City. Kif għidna kemm-il darba u kif jaf kulħadd, il-klabbs kollha tad-dinja jagħmlu l-plusvalenze. Min qed isejħilhom fittizji qiegħed biss jirrikorri għal paramatri soġġettivi biex jistabilixxi l-valur ta’ plejer. M’hemmx regola dwar dan u allura min għamel il-plusvalenze ma kiser ebda regola. Fl-Italja biss u għal Juventus biss, dawn il-plusvalenze tqiesu li marru kontra l-prinċipju ta’ lealtà sportiva. Min qara s-sentenza u segwa dak kollu li nqala’ jaf li saħanistra l-Procura Federale tal-FIGC fil-bidu użat il-website Transfermarkt biex mingħaliha tagħti valur oġġettiv lill-plejers. Dil-website, tajjeb infakkru, hi magħmula minn dilettant li jagħmel xogħol ieħor mhux marbut mal-futbol u li fil-ħin liberu tiegħu jieħu ħsieb dil-website. Għall-Procura Federale imma dil-website hi vanġelu!

L-ikbar differenza imma hi fil-mod kif tmexxew l-affarijiet. Il-Premier League investigat il-każ ta’ Man. City għal erba’ snin sħaħ, fi skiet totali, mingħajr ħadd ma għadda telefonati rrekordjati lill-gazzetti biex jagħmlu t-teatrin tagħhom. Waqt l-investigazzjoni Manchester City ma kkollaborawx u ma għaddewx id-dokumentazzjoni kollha li kienet mitlub minnhom (għallinqas hekk qed issostni l-Premier League). U issa li l-investigazzjoni hi mitmuma, il-Premier League ħatret kummissjoni esterna li minħabba raġunijiet ta’ newtralità u imparzjalità m’għandu jkollha ebda rabta la mal-Premier League u lanqas mal-klabbs. Dil-Kummissjoni se tiddeciedi x’passi għandhom jittieħdu fil-konfront ta’ Manchester City jekk l-allegati irregolaritajiet jiġu ppruvati. L-allegati irregolaritajiet huma magħrufa u mniżżla fl-istqarrija li nħarġet dil-ġimgħa biex hekk il-klabb se jkun jista’ jħejji sew għad-difiża tiegħu.

Is-serjetà hekk titlob! Imma l-Italja nafu li hu kollox barra pajjiż serju. Għamilna xhur naqraw fuq il-gazzetti t-telefonati rrekordjati li xi ħadd mill-Procura ta’ Turin evidentement ħalla li jiġu ‘leaked’. Il-media u s-social media użaw dat-telefonati biex iħammġu l-isem ta’ Juventus qabel biss intemmet l-inkjesta. Mill-bieraħ nafu li l-inkjest tmexxiet minn Santoriello li pubblikament stqarr li hu ‘anti-Juventin’ fix-xogħol tiegħu (mhux fil-grawnd imma fix-xogħol tiegħu minn kliemu stess!). Il-ġustizzja sportiva ħadet imbagħad l-Atti tal-inkjesta u f’temp ta’ ftit ġimgħat fetħet kawża li rat lil Juventus u l-klabbs l-oħra jiġu meħlusa minn kull akkuża. Biss imbagħad tressaq rikors biex il-kawża magħluqa terġa’ tinfetaħ u s-sentenza definittiva tiġi mxejna. Ir-rikors instema’ u f’seduta waħda mhux biss ġie milqugħ, imma anki wasalna għal kundanna ta’ Juventus ħatja li ħolqu sistema imma f’dis-sistema m’hemm ħadd għax il-klabbs l-oħra ġew meħlusa. F’disa’ sigħat kawża magħluqa reġgħet infetħet (għax sabu provi ġodda qalu imma x’inhuma dawn il-provi ma nafux fil-verità fis-sentenza hemm riferiment għal telefonati tal-ħarifa 2021 meta l-kawża li rat lil Juventus meħlusa saret fir-rebbiegħa tal-2022) u Juventus ġew ikkundannati. F’dad-disa’ sigħat saħansitra nbidel il-kap tal-akkuża mill-Artiklu 31 għall-Artiklu 4. Disa’ sigħat ta mhux erba’ snin investigazzjoni bħalma għamlet il-Premier League!

U issa Juventus jistgħu jappellaw biss quddiem il-Collegio di Garanzia li mhu imparzjali xejn għax xbajna naraw membri tal-Collegio li pubblikament stqarrew il-mibegħda tagħhom fil-konfront ta’ Juventus. Jidher li teknikament Juventus lanqas jistgħu jmorru quddiem il-CAS bħalma setgħu jagħmlu Manchester City meta l-Uefa kkundannathom. Ir-raġuni hi li biex Juventus imorru quddiem dat-Tribunal, bir-regolamenti tal-Italja, irid ikun hemm qbil bejn Juventus u l-FIGC. Fi żmien Calciopoli Juventus kien talbu li jmorru quddiem il-CAS imma t-talba tagħhom ma ġietx milqugħa (għax il-Federazzjoni taf li hekk tiġi mxejna l-ġustizzja sportiva tagħha!).

Il-ġurnalisti Taljani jistgħu jkomplu għaddejjin bis-soltu tentattivi qarrieqa tagħhom. Jistgħu jiktbu kemm iridu li l-każijiet ta’ Juventus u Manchester City huma simili. Imma nappellawlkom biex ma tibilgħux din l-istorja. Il-każijiet huma differenti għax fuq naħa hemm il-klabb sinjur ta’ Manchester City li allegatament kiser regolmenti li jeżistu, allegatament kisirhom għal bosta snin, ma kkollaborax f’investigazzjoni serja li damet sejra erba’ snin u li issa jaf fuq xiex qed jiġi akkużat u se jkun jista’ jiddefendi ruħu quddiem kummissjoni imparzjali. Fuq in-naħa l-oħra hemm Juventus li ppersegwitati mill-Procura ta’ Turin reġgħu ġew indagati għal ma nafx kemm-il darba. Imbagħad daħlet fin-nofs l-ġustizzja sportiva li qatt ma investigat xejn imma ħadet l-Atti tal-awtoritajiet ċivili u minn eluf ta’ paġni siltu tuzzana telefonati biex joħolqu l-idea li kien hemm sistema Juventus. Il-kawża magħluqa reġgħet infetħet, inbidlu l-kapi tal-imputazzjoni, kollox ġie mdawwar kif jogħġob lilhom u fi ftit sigħat Juventus tilfu 15-il punt, bil-possibbiltà li jitilfu aktar punti. Ma setgħux jikkundannaw lil Juventus għal ksur ta’ regolamenti għax regolamenti dwar il-plusvalenze ma jeżistu mkien fid-dinja, imma xorta kkundannaw lil Juventus għax marru kontra l-lealtà sportiva (li hu kunċett purament soġġettiv). Intant għandna maġistrati , imħallfin u awtoritajiet legali oħra li jibqgħu jferrgħu l-mibegħda tagħhom kontra Juventus. U l-media ma tieqaf qatt għadejja bin-narrattiva tagħha li Juventus huma l-ħżiena u l-oħrajn onesti u puri.

Forsi fl-Ingilterra l-ħmieġ twettaq minn Manchester City (dejjem jekk l-akkużi jiġu ppruvati), imma fl-Italja l-ħmieġ qed isir fi-mod kif qed jitmexxew l-affarijiet mill-awtoritajiet ikkonċernati, bil-klabb Juventin ikun il-vittma ta’ dik li ħafna (anki min mhuwiex Juventin) qed jiddeskrivu bħala inġustizzja. U min qed iqabbel il-każijiet ta’ Juventus u Manchester City x’aktarx għandu l-aġenda moħbija li jsaħħaħ l-argument anti-juventin tiegħu bi xtar ħaddieħor.

Tibilgħux kollox, ħbieb!

Matthew Scerri