Posts

Indikazzjoni li Giuntoli se jitlaq lil Napoli?

Illum Napoli ppreżentaw uffiċjalment lill-kowċ il-ġdid tagħhom, Rudi Garcia. Interessanti li Giuntoli ma attendiex għall-preżentazzjoni u ma ngħatat ebda raġuni għal dan. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, De Laurentis ma qal xejn dwar il-futur ta’ Giuntoli. Madankollu, dak li ġara llum donnu jindika biċ-ċar li Giuntoli qiegħed jinnegozja ma’ Napoli x-xoljiment tal-kuntratt tiegħu sabiex ikun jista’ jingħaqad ma’ Juventus. Rumours tal-calciomercato qed jagħtu bħala kważi ċert li Giuntoli se jkun qed jingħaqad ma’ Juventus sa mill-ewwel ġimgħa ta’ Lulju.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Tottenham xtraw lil Kulusevski għal kollox

Dejan Kulusevski hu kollu kemm hu plejer ta’ Tottenham. Il-perjodu ta’ self tiegħu wasal fi tmiemu u Tottenham issa ħallsu 30 miljun Ewro biex jixtruh għal kollox mingħand Juventus. Is-somma se titħallas f’sitt rati.

Matthew Scerri

Awguri lill-missirijiet kollha!

Il-President u l-Kumitat jixtiequ jawguraw il-festa t-tajba lill-missirijiet kollha. Festa li bix-xieraq tiċċelebra s-sagrifiċċji li l-missirijiet kollha jagħmlu għall-familji tagħhom

L-ewwel il-bejgħ!

Manna, assistit minn Tognozzi, bħalissa għaddej b’ħidma intensiva bil-għan li jirnexxilu jbigħ jew jislef il-plejers li kienu mislufin u li m’għadhomx parti mill-pjanijiet ta’ Juventus. Qed nirreferu għal plejers bħal Arthur, Zakaria, Kulusevski u oħrajn.

Il-bejgħ ta’ dawn il-plejers mhux se jkun faċli, ovvjament, anki għax uħud minnhom ġejjin minn staġun kemxejn deludenti. Hawn trid tidher il-bravura ta’ Manna u Tognozzi. Interess fil-plejers jidher li hemm u l-uffiċċjali ta’ Juventus iridu jkunu bil-għaqal biżżejjed biex dak l-interess jibdluh f’opportunità vera ta’ trasferiment.

Il-pjanijiet ta’ Juventus ma jieqfux hawn. Qed ikun irrapurtat minn diversi sorsi li Elkann ta istruzzjonijiet sabiex il-klabb inaqqas l-operational costs tiegħu u dan jinkludi anki għażliet li jwasslu biex jonqsu l-pagi tal-plejers fit-tim. Mhux eskluż li plejers b’paga għolja bħal Szczesny u Alex Sandro jinbigħu. F’din l-ottika rridu nifhmu anki, pereżempju, għala Juventus ma xtrawx lil Milik għal kollox bil-prezz maqbul sena ilu. Milik kien u għadu plejer li Juventus japprezzaw, imma x’aktarx iridu jixtruh għal somma inqas jew inkella jippruvaw iġeddu s-self tiegħu għal sena oħra.

Jista’ jkun ukoll li jinbigħu xi stilel tat-tim bħal Chiesa jew Vlahovic jekk tasal offerta tassew kbira (s’issa imma ma jidhirx li hemm għalihom offerti sensazzjonali). Hawn ta’ min jgħid li Chiesa għandu kuntratt li jiskadi fl-2025 u allura Juventus das-sajf iridu jifhmu jekk il-winger Taljan iridx iġedded il-kuntratt ma’ Juventus bil-kundizzjonijiet tal-Bianconeri jew inkella għandux miri oħra (jekk dan ikun il-każ allura issa hu l-aqwa żmien għall-bejgħ tiegħu!)

Kif għidna, l-ewwel il-bejgħ. Juventus bħalissa ma tantx jidhru li qed jinnegozjaw l-akkwist ta’ plejers ġodda. L-unika eċċezzjoni hu Frattesi li għalih Juventus diġà kellhom żewġ laqgħat ma’ Sassuolo. Hu meqjus is-sostitut ideali għal Rabiot, imma hawn irridu ngħidu li hemm xnigħat li Juventus offrew anki kuntratt ġdid ta’ sena lill-Franċiż bl-istess paga li kellu fl-aħħar snin. Apparti Frattesi ma nafux li Juventus realment qed jippruvaw jixtru lil ħadd iktar.

Il-bejgħ fiċ-ċentru tal-attenzjoni tad-diriġenti Juventini. Il-bejgħ u t-tnaqqis tal-operational costs. Qed tissemma minn diversi sorsi s-somma ta’ 120-130 miljun Ewro li Juventus iridu jiffrankaw dis-sena. Ħadd ma spjega minfejn ħarġet dis-somma jew kif ġiet ikkalkulata. Hi x’inhi s-somma li Juventus iridu jiffrankaw, li hu żgur hu li, kif kien beda jagħmel Arrivabene, qed jinbidel l-operat ta’ Juventus: daqshekk infiq bla rażan; daqshekk pagi għoljin; tmexxija iktar għaqlija mil-lat finanzjarju; u klabb li jimmira li jkun self-sustainable filwaqt li jibqa’ kompetittiv.

Matthew Scerri

Issa nafu kif ġew ikkalkulati l-10 punti

Ħarġet is-sentenza sħiħa tal-verdett tal-Qorti tal-Appell tal-FIGC li kien sab lil Juventus ħatja dwar l-hekk imsejħa plusvalenze fittizji. Il-kundanna kienet ta’ tnaqqis ta’ 10 punti għal Juventus fil-klassifika tas-Serie A. Issa nafu li l-10 punti tnaqqsu b’relazzjoni mal-kundanna tal-eks uffiċċjali Juventini. 4 punti tnaqqsu minħabba l-kundanna ta’ Paratici, 3 punti minħabba li Andrea Agnelli nstab ħati, 2 punti minħabba Arrivabene ġie kundannat u punt ieħor minħabba li anki Cherubini nstab ħati. Total 10 punti. Kienu għaxra u mhux iktar ħmistax għax Nedved u membri oħra tal-Bord tad-Diretturi ġew meħlusa mill-akkużi tagħhom.

Matthew Scerri

Għidut li Juventus u l-Procura Federale qablu dwar patteġġament

Allegatament Juventus għażlu t-triq tal-patteġġament fil-kawża quddiem il-Ġustizzja Sportiva dwar il-famuża ‘Manovra stipendi’, il-partnership ma’ klabbs oħra u r-relazzjonijiet mal-aġenti. Qed ikun irrapurtat li nstab ftehim bejn Juventus u l-Procura Federale. Tant hu hekk li l-ewwel seduta li kellha tinżamm fil-15 ta’ Ġunju, tmexxiet għal għada. Skont diversi sorsi Juventus se jkunu qed jingħataw multa qawwija bla ma jitnaqqsulhom aktar punti. Sorsi oħra qed jirrapurtaw li l-multa jaf ma tkunx daqstant qawwija, biss Juventus ikollhom tnaqqis ta’ ftit punti oħra fil-klassifika ta’ dis-sena. L-intenzjoni ta’ Juventus hi li jagħlqu dal-kapitlu darba għal dejjem sat-30 ta’ Ġunju sabiex l-istaġun li ġej ma jkollhomx piżijiet xi jġorru ta’ dawn il-ħafna kawżi quddiem il-Ġustizzja Sportiva.

Matthew Scerri

Mitlub tnaqqas ta’ 11-il punt fil-konfront ta’ Juventus!

Dalgħodu beda tinstema mill-ġdid il-kawża tal-plusvalenze fittizji. Il-Prosekutur Chine’ talab li Juventus jiġu kkundannati għal 11-il punt imnaqqsa fil-klassifika. Barra minn hekk ġiet mitluba sospensjoni ta’ 8 xhur għal seba’ uffiċċjali ta’ Juventus (Garimberti, Grazioli Venier, Hughes, Marilungo, Nedved, Roncaglio, Vellano). Infakkru s-sentenza ta’ Agnelli, Arrivabene, Cherubini u Paratici huma definittivi wara li ġiet ikkonfermata mill-Collegio di Garanzia tal-CONI. Ta’ min ifakkar li f’Jannar li għadda, fuq dan l-istess każ, Chine’ kien talab tnaqqis ta’ 9 punti għal Juventus.

Din hi t-talba ta’ Chine’. Issa jmiss li l-avukati ta’ Juventus jagħmlu l-intervent tagħhom ta’ difiża lill-klabb Juventin. Illejla mistennija toħroġ is-sentenza tal-imħallfin. Il-kawża qed terġa’ tinstema quddiem l-istess tribunal li kien qata’ s-sentenza f’Jannar li għadda, biss l-imħallfin huma differenti.

Matthew Scerri

Filmat: Bħal-lum fil-passat (18 ta’ Mejju)

Illum qed inwasslulkom filmat li joħodna lura għas-sena 1975 meta Juventus għelbu lil Vicenza bl-iskor kbir ta’ 5-0.

Awguri lill-ommijiet kollha

Il-President u l-Kumitat tal-Juventus Club Vero Amore (Malta 1975) jixtiequ jibagħtu l-isbaħ xewqat lill-ommijiet kollha fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm. Nawguraw lill-ommijiet kollha li jqattgħu jum mill-isbaħ imdawrin bl-għeżież tagħhom.