Posts

Riflessjonijiet Juventini (It-Tieni Parti): Il-kowċ

Il-kwistjoni tal-kowċ huwa fattur determinanti ta’ dan ir-rigress u ma nistgħux naħbu l-fatt li ilha ġejja diversi staġuni. Bdiet minn meta il-klabb iddeċieda jibdel ir-rotta mill-futbol pragmatiku imma vinċenti ta’ Allegri għat-tentazzjoni kbira li jinbidel it-trend u tefgħu għajnejhom fuq kowċ li suppost ġab futbol ta’ attakk sabiħ u veloċi – mossa li forsi tiġi nterpretata fi sforz tal-klabb li jieħu dimensjoni differenti biex nirrenjaw fl-Ewropa wara waqfa ta’ snin twal ma nieħdu l-ebda unur fil-livell Ewropew għalkemm kulħadd jaf li morna darbtejn verament viċin, fl-2015 u 2017. Għalkemm f’dawn
l-istaġuni morna viċin ta’ żewġ tripletti, jibqa l-fatt li r-rebħa tal-unur ma ġietx konkretiżżata. Kulħadd jaf sewwa li ġaladarba il-motto tal-klabb huwa ‘Vincere non e’ importante ma e’ l’unica cosa che conta’ ma nistgħux nifirħu bil-fatt għax tlajna final ta’ tazza mingħajr ma nirbħuha, għalkemm ma nistgħux ninsew il-merti kbar li wasalna għad-9 scudetti konsekuttivi, b’ 4 minnhom doubles konsekuttivi. Waqt programmi sportivi li nsegwi, meta jitkellmu fuq l-istaġun Juventin kurrenti u dawk tas-sena l-oħra u forsi ta’ qabel ukoll, spiss iqum il-punt interrogattiv li nħlew staġuni b’tibdil wieħed wara l-ieħor tal-kowċ.

Kull bidla ta’ kowċ twassal għal sitwazzjoni li jinbeda kollox minn żero u proġett ġdid kull darba. Bdil wieħed ġiena żewġ f’dawn l-aħħar snin – dak ta’ bejn Antonio Conte u Massimiliano Allegri. Konna fortunati li Allegri kien kapaċissimu li jkompli l-legacy li ħalla Conte fil-gwida teknika anki minħabba lfatt li Allegri kien umli u intelliġenti biżżejjed biex ma jaqlibx id-dinja ta’ taħt fuq meta ħa l-gwida teknika imma pprova kemm jista’ jagħti kontinwita’ wara li kulħadd jaf sewwa kif ħalla il-kulħadd lampa stampa Conte f’dak il-bidu ta’ preseason 2014-2015. Meta il-klabb iddeċieda jaħtar lil Sarri, jien fil-bidu appoġġjajt bi sħiħ il-bidla u verament emmint li ser tkun bidla posittiva biex naraw logħob iktar attrajenti li forsi seta jerġa jrebbaħna unuri fl-Ewropa. Li kieku ma qrajtx jew informajt ruħi li Sarri ma
bediex fuq sieq tajba mal-iskwadra, kont nemmen li kellu jiġi kkonfermat għal staġun ieħor biex jagħti kontinwita’ lill-ewwel staġun ta’ xogħolu mat-tim. Biss inħolqu diversi problemi – waħda minnhom li ma ingħaqadx tajjeb mal-players, speċjalment mal-veterani, li wasslet ghal separazzjoni prematura u inevitabbli. Pero’ inħoss li meta il-klabb iddeċieda li ma jkomplix bil-gwida teknika ta’ Sarri, id-diriġenza għaġġlet esaġerat fil-ħatra ta’ Pirlo bħala kowċ tal-ewwel skwadra meta kulħadd jaf li l-pjan oriġinali kellu jkun li jsir kowċ tal-Under 23.

Il-ħatra ta’ Pirlo kienet ħallietni sorpriż u forsi anki xxokjat fil-bidu għax kelli sentiment qawwi li kienet se tkun għażla ażżardata għalkemm kuraġġuża. Xi ġranet wara lħatra imbagħad bdejt nipprova naqleb għal ħsieb posittiv li setgħet saret għażla kuraġġuża li l-quddiem twassal għal benefiċċji kbar. Fl-ewwel logħba tal-league ma’ Sampdoria konna rajna logħob fluwidu li forsi inkonxjament għollietli hafna t-tama li ser ikollna staġun super imma llum qed ninduna li kienet ftit ta’ illużjoni fierħa. Hija ħasra kbira li ġara hekk anki għall-passat glorjuż bħala player tal-persunaġġ Pirlo. Id-diżappunt tiegħi u ta’ ħbieb viċin tieghi li magħhom niddiskuti viċendi Juventini joħroġ qawwi l-fatt li spiss rajna lil Pirlo ibiddel il-formazzjoni, imma qatt ma jipprova isib 11 il-player bażi u din forsi distabiliżżat l-andament tar-riżultati. Diżappuntanti wkoll, l-issoktar ta’ l-istess tip ta żbalji bħal back passes li spiss tefgħu id-difiża f’diffikulta’ estrema – rajniha f’logħba li kienet tkun deċiżiva għall-istaġun mal-Porto meta minn żball fuq backpass lejn il-goaler inħoloq il-goal kontrina li forsi kkompromettiet il-kwalifikazzjoni għall-kwarti tal-finali tac-Champions League. Tarġa mportanti kienet tkun kieku ghaddejna, speċjalment b’benefiċċju finanzjarju li l-klabb ferm għandu bżonn bħalissa. Qed indunaw li t-tim issa spiċċa fi stat konfużjonali li ftit jgħin biex nerġgħu nqumu fuq tagħna u almenu niċċentraw il-kwalifikazzjoni għaċ-Champions League kif ukoll itini tama mportanti li nirbħu il-finali tal-Coppa Italia kontra Atalanta – wara il-loghba tal-weekend li għadda, għalkemm jien bniedem pjuttost pożittiv fejn jidħlu l-Juventus, nammetti li rridu veru prestazzjoni tajba issa biex nirbħu din it-tazza!

Massimo Grioli

Rapporti li Pirlo mhux se jitkeċċa

Qed ikun irrapurtat li ntemmet il-laqgħa fil-Continassa. Jidher li Pirlo ġie kkonfermat sa tmiem l-istaġun u allura se jkun il-kowċ Juventini għall-ġimagħtejn li ġejjin.

Matthew Scerri

Għaddejja laqgħa fil-Continassa. Tudor minflok Pirlo?

Bħalissa għaddejja laqgħa fil-Continassa biex tkun analizzata s-sitwazzjoni f’dar Juventus wara t-telfa tal-bieraħ kontra Milan. F’dil-laqgħa se jkun diskuss jekk Pirlo għandux ikun ikkonfermat kowċ ta’ Juventus sa tmiem l-istaġun. Bħal dejjem hemm ix-xnigħat li Pirlo se jitkeċċa u t-tmexxija tat-tim se tkun afdata f’idejn Tudor. Aktar tard illum għandna nkunu nafu x’se jiġri.

Matthew Scerri

Filmat: X’qalu Paratici, Pirlo u Bonucci

https://www.youtube.com/watch?v=nmIv9LLCcjg

Ma jieqaf xejn l-għidut dwar min se jieħu post Pirlo

Fl-aħħar jiem żdied sew l-għidut dwar min se jieħu post Pirlo ma’ Juventus. Qed jissemma ħafna Allegri anki għax nafu li ltaqa’ ma’ Agnelli ftit tal-ġimgħat ilu. Ovvjament s’issa għad m’għandniex konferma li Andrea Agnelli se jibqa’ President ta’ Juventus u għaldaqstant dil-laqgħa privata jaf ma tfisser xejn. Kowċis oħra li qed jissemmew huma: Gasperini, Zidane, Flick u Gattuso. Ħafna spekulazzjonijiet u s’issa xejn ma hu kkonfermat. L-impressjoni tagħna hi li Juventus l-ewwel se jkunu qed jaraw min se jmexxi lill-klabb fil-karigi ta’ President u Chief Technical Area. Wara li dil-kwisjtoni tkun solvuta, allura Juventus ikunu jistgħu jibdew jaħdmu fuq min se jkun il-kowċ tat-tim.

Matthew Scerri  

L-aħħar ftit tal-era Pirlo

Il-futur ta’ Andrea Pirlo jidher tassew imdendel b’xagħra. Ilna iktar minn xahar naqraw li l-partita li jmiss jaf tkun l-aħħar waħda tiegħu bħala kowċ ta’ Juventus. Anki dwar Udinese-Juventus qed jingħad l-istess: f’każ ta’ telfa Pirlo jista’ jitkeċċa u jinħatar Tudor minfloku. X’se jiġri ma nafux. Li hu ċert hu li Pirlo mhux se jkun il-kowċ ta’ Juventus is-sena d-dieħla. Anki jekk Juventus jidħlu Champions League, Pirlo mhux se jibqa’ jmexxi lit-tim Juventin. Dil-ġimgħa ibnu stess stqarr li xi ‘supporters’ qed jhedduh fuq il-mezzi soċjali. Ovvjament aħna kontra kull forma ta’ theddid, biss din l-aħbar tixhed is-sentiment kontra Pirlo li hemm fost is-supporters. Pirlo ma jistax jibqa’ kowċ ta’ Juventus is-sena d-dieħla għal dak li wera (jew aħjar ngħid li ma weriex fil-grawnd), kif ukoll għan-negattività li tnisslet fi ħdan l-ambjent Juventin. Pirlo beda l-istaġun bil-għan li jirbaħ il-kampjonat u ċ-Champions League bħall-predeċessuri tiegħu. Falla miżerament. Qatt ma rajna xejn speċjali fil-grawnd. Kif ktibt drabi oħra, il-kwisjtoni mhix li ma tistax tirbaħ dejjem. Semmai l-kwistjoni hi li trid tipprova tirbaħ dejjem u l-Juve taħt Pirlo hi biss tim bla ideat, bla personalità, bla grinta, bla xejn. Nittamaw li Pirlo jirnexxilu jwassal lit-tim jikseb post fiċ-Champions League u wara t-tim ikun fdat f’idejn kowċ ta’ esperjenza u ta’ bravura li jkun kapaċi jibni tim li jiġġieled sal-aħħar għar-rebħ ta’ unuri.

Matthew Scerri