Posts

Uffiċjali: Juventus se joħorġu mis-Super League

Juventus jikkonfermaw li bdew il-proċedura sabiex joħorġu mill-proġett tas-Super League. Dan wara li saru diskussjonijiet ma’ Real Madrid u Barcellona, liema diskussjonijiet urew li hemm diverġenza dwar is-Super League. Fl-istqarrija ta’ Juventus naqraw li biex il-klabb ikun jista’ joħroġ mis-Super League jrid jitlob il-permess lill-klabbs l-oħra.

Matthew Scerri

Jeżistu provi li l-Uefa heddet lil Juventus?

Il-kumpanija A22 Sport Management, li qed tieħu ħsieb li tmexxi l-proġett tas-Super League, għandha provi ċerti li l-Uefa għamlet pressjoni fuq Juventus permezz ta’ theddid (3 snin barra mill-kompetizzjonijiet Ewropej) sabiex jabbandunaw is-Super League. Il-media Spanjola qed tagħti prominenza kbira lil dan kollu u qed tirraporta li l-A22 lesta tieħu dawn il-provi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u t-Tribunal ta’ Madrid li kien ordna lill-Uefa li ma tistax tieħu passi fil-konfront tal-klabbs li waqqfu s-Super League. Juventus nafu li ċaħdu dan kollu, biss se jkun interessanti naraw xi żviluppi se jkun hemm fil-jiem li ġejjin.

Matthew Scerri

Juventus lesti joħorġu mis-Super League!

Juventus ħabbru li talbu lil Barcellona u Real Madrid sabiex jiftħu diskussjonijiet bejniethom dwar il-possibbilta’ li Juventus joħorġu mill-proġett tas-Super League. Juventus ċaħdu li saritilhom pressjoni mill-Uefa f’dan is-sens. Aktar kmieni llum AS kitbet li l-Uefa heddet lil Juventus li jiġu sospiżi għal tliet snin mill-kompetizzjonijiet Ewropej. L-aħbar ġiet miċħuda minn Juventus stess.

Matthew Scerri

Super League. L-Avukat Ġenerali jagħti l-parir tiegħu

Is-Super League llum qalgħet daqqa mortali jew kważi. L-Avukat Ġenerali Athanasios Rantos ta l-parir tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni tal-monopolju tal-Uefa u l-Fifa. Il-parir hu wieħed ta’ natural legali u issa sta għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taqta’ s-sentenza f’Marzu 2023. Normalment il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea taqta’ s-sentenzi tagħha skont il-parir mogħti lilha lill-Avukat Ġenerali. Il-kwistjoni hi waħda koumplessa ferm, biss nistgħu ngħidu li kollox miexi favur il-Uefa u l-FIFA. L-Avukat Ġenerali rrikonoxxa l-ispeċifiċità tal-isports kif stabbilit mil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea. L-Uefa u l-FIFA għandhom iva, monopolju, fuq l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet Ewropej, biss il-mod kif inhuma strutturati huma miftuħin għal kulħadd mid-dilettanti sal-plejers professjonali. Is-Super League mill-banda l-oħra hi iktar magħluqa peress li hemm timijiet li se jkollhom post garantit fil-kompetizzjoni, filwaqt li ftit oħrajn biss se jkunu jistgħu jidħlu. L-Avukat Ġenerali, ovvjament, bl-ebda mod ma esprima opinjoni kontra s-Super League, biss ta l-parir li l-Uefa u l-Fifa għandhom id-dritt li jieħu passi kontra klabbs affiljati magħha u plejers li jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet tas-Super League. Fi kliem ieħor min jieħu sehem fis-Super League jista’ jiġi eskluż mil-kompetizzjonijiet tal-Uefa u tal-FIFA. Issa jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea se taqtagħha f’das-sens, allura nistgħu ngħidu li s-Super League diffiċilment se tkun qatt tista’ tibda. L-uniku tama għas-Super League, kif indikat indirettament mill-Avukat Ġenerali hi li tkun iktar miftuħa għall-klabbs kollha. Ovvjament ukoll, kif dejjem stqarrew il-fundaturi tas-Super League, min-naħa tagħhom dejjem kien hemm ix-xewqa li l-kompetizzjonijiet tagħhom isiru bi qbil mal-Uefa u m’hemmx għalfejn ngħidu li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tkun xi tkun, qatt ma tista’ twaqqaf lill-Uefa u lis-Super League li jilħqu ftehim bejniethom.

Matthew Scerri

Super League. Illum jaf tkun ġurnata kruċjali

Illum hu jum importanti ferm għall-futur tas-Super League hekk kif proprju llum mistenni li jitħabbar il-parir mogħti mill-Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Athanasios Rantos, dwar il-kwistjoni tal-monopolju tal-Uefa fil-qasam tal-futbol Ewropew. Is-sentenza se tinqata’ min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Marzu. Biss normalment dil-Qorti tilqa’ dejjem il-konsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Għaldaqstant hemm stennija kbira biex isir magħruf x’tip ta’ parir se jingħata mill-Avukat Ġenerali. Bil-parir tiegħu jista’ prattikament jinbidel l-istatus quo tal-affarijiet li sa mill-1955 ra dejjem lill-Ueda torganizza l-kompetizzjonijiet Ewropej. Jekk l-Avukat Ġenerali jqis li hemm monopolju min-naħa tal-Uefa, allura l-Qorti tkun qed taqta’ s-sentenza tal-Uefa u s-Super League tkun tista’ ssir realtà. Is-sentenza li se tinqata’ f’Marzu 2023 jaf tkun rivoluzzjonarja daqs jekk iktar mis-Sentenza Bosman.

Matthew Scerri

Il-proġett tas-Super League se jibqa’ għaddej

Permezz ta’ stqarrija konġunta oħra, Juventus, Real Madrid u Barcellona laqgħu b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tat-Tribunal Spanjol li obbligat lill-Uefa twaqqaf kull tip ta’ passi dixxiplinari fil-konfront tat-tnax-il klabb fundatur tas-Super League. Dan jinkludi anki l-ftehim mad-disa’ klabbs li kienu ddikjaraw li mhux se jieħdu sehem f’dil-kompetizzjoni. Jekk l-Uefa tkompli twebbes rasha, se jkollha tħallas penali, apparti li t-Tribunal jista’ jieħu passi oħra. Issa jmiss li l-Qorti ta’ Ġustizzja Ewropea tistabbilixxi jekk hemmx monopolju min-naħa tal-Uefa u, eventwalment, jekk dan imurx kontra l-prinċipji tal-Unjoni Ewropea.

Juventus, Real Madrid u Barcellona stqarrew li l-proġett tas-Super League se jkompli għaddej bi spirtu kollaborattiv u kostruttiv flimkien mal-istakeholders kollha.

Matthew Scerri

Super League. Il-Kummissjoni tal-Appell tal-Uefa mhix se tieħu passi għalissa

Il-Kummissjoni tal-Appell tal-Uefa ħabbret li għalissa mhix se tkun qed tieħu ebda pass dixxiplinari fil-konfront ta’ Juventus, Real Madrid u Barcellona. Il-każ li kien infetaħ twaqqaf għalissa. Il-Kummissjoni kellha tistabilixxi jekk Juventus, Real Madrid u Barcellona kisrux ir-regolamenti tal-Uefa talli waqqfu s-Super League u rrifjutaw li jiddikjaraw li mhux se jikkompetu f’dil-kompetizzjoni. Nafu wkoll li l-ewwel Tribunal ta’ Madrid u wara l-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Iżvizzera bagħtu dokumentazzjoni uffiċjali lill-Uefa li ma jistgħux jittieħdu passi fil-konfront tat-tliet klabbs minħabba li l-kwisjtoni tinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Probabbli hu minħabba f’hekk li l-Kummissjoni tal-Appell kellha twaqqaf kollox għalissa.

Matthew Scerri

Super League. Il-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Iżvizzera jwaqqaf lill-Uefa u lill-Fifa

Wara t-Tribunal Spanjol, issa anki l-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Iżvizzera bagħat dokumentazzjoni uffiċjali li ma tippermettix lill-Uefa u lill-Fifa jieħdu passi dixxiplinari b’rabta mat-twaqqif tas-Super League. Idejn l-Uefa u l-FIFA, minkejja l-ħafna paroli bla sugu ta’ Ceferin, jidhru tassew marbutin.

Matthew Scerri

Super League. Is-sitt klabbs Ingliżi b’ittra għall-klabbs l-oħra

Is-sitt klabbs Ingliżi li ffirmaw il-kuntratt tas-Super League se jkunu qed jibagħtu ittra lill-klabbs l-oħra sabiex f’temp ta’ erba’ ġimgħat tissejjaħ laqgħa li matulha tittieħed id-deċiżjoni li l-kumpanija li huma waqqfu ma tibqax teżisti. S’issa, fil-fatt, il-kumpanija għadha teżisti u hemm rapporti li fil-verità ħadd ma ħareġ mis-Super League minħabba l-penali li jridu jitħallsu. Li kellna s’issa hu biss li disa’ klabbs iddikjaraw li mhux se jikkompetu fis-Super League, biss il-kumpanija għadha teżisti. Jekk sa erba’ ġimgħat oħra l-kumpanija ma tkunx formalment xolta, allura hu probabbli li jinfteħu kawżi legali bis-sitt klabbs tal-Premier League jippruvaw jisfurzaw id il-klabbs l-oħra.

Matthew Scerri

Uefa u Fifa ordnati ma jiħdux passi fil-konfront ta’ Juventus, Real Madrid u Barcellona

El Confidencial żvelat li t-Tribunal ta’ Madrid ordna lill-Uefa u lill-Fifa li ma jittieħdu ebda passi dixxiplinari fil-konfront ta’ Juventus, Real Madrid u Barcellona b’rabta mas-Super League. Bħalissa l-kwistjoni waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u qabel ikollna sentenza definittiva (se jgħaddu bosta snin) ma jistgħu jittieħdu ebda passi dixxiplinari.

Matthew Scerri