Posts

3.5 biljun Ewro se jinqasmu bejn it-timijiet li se jieħdu sehem fis-Super League

Fl-istqarrija li Juventus ħarġu b’rabta mat-twaqqif tal-European Super League nsibu dettalji interessanti li juruna x’se jkun il-futur tal-kampjonati domestiċi u Ewropej. Fil-fatt hemm miktub li l-klabbs se jibqgħu jikkompetu fil-kampjonati domestiċi u anki, sakemm jibdew il-partiti tas-Super League, fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Fi kliem ieħor la darba tibda s-Super League, it-tnax-il tim mhux se jkunu qed jibqgħu jieħdu sehem iktar fiċ-Champions League u fl-Europa League.

It-tnax-il tim fundatur se jkunu qed iwaqqfu kumpanija li se torganizza l-kompetizzjoni. Għal dal-fini kull klabb se jkun qed joħroġ somma ta’ 2 miljuni (liema somma tista’ eventwalment titla’ għal 8 miljun iktar ‘il quddiem). La darba titwaqqaf il-kumpanija u jinbigħu t-tv rights, jiġu ffirmati l-kuntratti ta’ sponsorships u kwistjonijiet finanzjarji oħra, se jkun hemm somma ta’ 3.5 biljun Ewro li se titqassam bejn il-klabbs li se jieħdu sehem fil-kompetizzjoni.

Fil-pjanijiet tal-klabbs fundaturi hemm il-pjan li s-Super League tibda mill-aktar fis posibbli. Fl-istqarrija ta’ Juventus naqraw li l-klabbs fundaturi jixtiequ jaħdmu mal-FIFA u mal-Uefa, biss jekk dan mhux se jkun possibbli, allura lesti jirrikorru għall-qrati biex iħarsu l-interessi tagħhom.

Matthew Scerri

Il-format tal-European Super League

Ġew żvelati d-dettalji tal-format tal-European Super League. B’kollox se jkun hemm 20 klabb li se jipparteċipa fil-kompetizzjoni. Ħmistax-il klabb, li se jkunu msejħa l-Fundaturi, se jkollhom posthom garantit kull sena. Il-ħames klabbs l-oħra se jinbidlu kull sena skont ir-riżultati li jkunu inkisbu fl-istaġun ta’ qabel.

Il-partiti tal-European Super League se jintlagħbu fost il-ġimgħa biex hekk it-timijiet ikunu jistgħu xorta waħda jibqgħu jikkompetu fil-kampjonati domestiċi.

Jidher li l-ewwel edizzjoni se tibda f’Awwissu li ġej. Il-klabbs se jkunu naqsuma f’żewġ gruppi ta’ 10 timijiet kull wieħed. It-timijiet f’kull grupp se jilagħbu kontra xulxin f’partiti home u away. L-ewwel tliet timijiet f’kull grupp jgħaddu mbagħad għall-fażi knock-out bil-Finali tintlagħab f’Mejju.

Matthew Scerri

U issa se jkollu jieqaf kollox?

Il-futbol Ewropew jinsab fi stat ta’ paniku totali hekk kif tħabbar uffiċjalment it-twaqqif tal-European Super League. Ilbieraħ waranofsinhar kellna l-istqarrija konġunta tal-Uefa u l-Federazzjonijiet tal-Italja, l-Ingilterra u Spanja. Stqarrija uffiċjali li heddet li se jittieħed kull pass, kemm fil-qrati kif ukoll mil-lat sportiv, kontra t-timijiet li se jingħaqdu f’dal-proġett. F’dik l-istqarrija hemm miktub li t-timijiet konċernati se jiġu esklużi mill-kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. F’das-sens hemm ħafna spekulazzjonijiet dwar dak li se jiġri f’dawn il-ġimgħat. L-għidut hu li saħanistra jistgħu jieqfu kemm iċ-Champions League kif ukoll l-Europa League. Barra minn hekk hemm anki xnigħat li l-FIGC mhix se tirrikonoxxi lil Inter bħala r-rebbieħa tal-kampjonat għal dis-sena. Nifhmu li se tibda battalja legali li jaf iddum is-snin. Nittamaw li kollox imur b’wiċċ u li finalment jirbaħ is-sens komun fuq kull pika.

Matthew Scerri

Juventus fost it-tnax-il-klabb fundatur tal-European Super League

Tnax-il klabb, il-krema tal-futbol Ewropew, waqqfu l-European Super League. It-tnax-il klabb huma: Juventus Football Club S.p.A., Associazione Calcio Milan S.p.A., Arsenal Holdings Limited, Club Atlético de Madrid S.A.D., Chelsea Football Club Limited, Football Club Barcelona, F.C. Internazionale Milano S.p.A., The Liverpool Football Club and Athletic Grounds Limited, Manchester City Football Club Limited, Manchester United Football Club Limited, Real Madrid Club de Futbol u Tottenham Hotspur Limited.

L-aħbar hi waħda uffiċjali u fil-website ta’ Juventus insibu l-istqarrija tal-klabb Juventin. Dawn it-tnax-il tim se jkunu qed jikkompetu f’kompetizzjoni ġdida li se tara massimu ta’ 20 parteċipant. Mat-tnax-il klabb imsemmi mistennija jiżdiedu tliet klabbs kbar oħra mix-xena Ewropea biex b’hekk ikun hemm grupp ta’ 15-il klabb fundatur tal-kompetizzjoni li se jkollhom posthom garantit kull sena. Il-ħames klabbs l-oħra se jintgħażlu kull sena fuq il-bażi ta’ parametri li għad iridu jitħabbru.

Matthew Scerri