It-teatrini ta’ dil-ġimgħa!
Waslet biex tintemm l-ewwel ġimgħa mit-twaqqif tal-European Super League li mingħajr dubju serqet ix-xena fl-aħbarijiet u nistgħu ngħidu li għal darba wara iktar minn sena kellna xi ħaġa li fuqu tkellimna iktar milli fuq il-Covid!
Nibda billi ngħid li jien il-pożizzjoni tiegħi dwar is-Super League għamiltha ċara u ktibtha f’artiklu aktar kmieni dil-ġimgħa. Jien favur il-proġett għax nemmen li l-affarijiet għandhom jinbidlu biex insalvaw il-futbol. Wara ġimgħa nisma’ u naqra għadni dejjem iktar konvint mis-Super League u kull darba li jiftaħ ħalqu Ceferin inħossni nikkonvinċi ruħi li l-unika tama li għandna li l-futbol ikun salvat hu li tibda din l-imbierka Super League.
Nifhem u nirrispetta lil dawk is-supporters li jaħsbuha f’mod differenti. Nifhem li wara t-talba tagħhom hemm sejħa għal futbol inqas iddominat mill-flus u li jkun sport ta’ divertiment aktar milli bussiness. Sa ċertu punt naqbel magħhom, imma fl-istess ħin għadni m’iniex konvint li dan kollu jista’ verament iseħħ.
Ma naċċettax, però, li jkollna lezzjonijiet ta’ moralità mingħand nies bħal Mourinho, Guardiola u Neymar li ilhom snin jaqilgħu somom fenomenali u jaħdmu biss f’klabbs sinjuri li l-ħin kollu jippumpjaw il-flus. Il-Malti jgħid ‘Biex tiskonġra trid tkun pur” u ma naħsibx li nies bħal Mourinho jew Neymar jistgħu jitqiesu bħala paladini taż-‘żgħar’. Guardiola, imbagħad, jaħdem għal klabb li kiser ir-regoli tal-Fair Play Finanzjarju bla ma ħallas għal għemilu għax bħas-soltu l-‘mamma’ Uefa ħadet ħsieb kollox!
Hu inaċċettabbli wkoll dak kollu li għamel u qal Ceferin dil-ġimgħa. Hu bniedem frankament ridikolu li l-ħin kollu joħroġ il-ħdura tiegħu. Jekk il-futbol hi l-logħba tas-supporters kif qal, allura jmissu jibda jirrispetta lilna s-supporters.
Kif għidt aktar kmieni dil-ġimgħa, nemmen li Ceferin u sħabu huma rrabjati biss għax se jitilfu l-poter u l-monopolju tagħhom. Ilhom għexieren ta’ snin jużaw il-flus li jiġġeneraw il-klabbs biex huma jkunu jistgħu jagħmlu l-lobbying tagħhom u jżommu s-siġġu tagħhom. Xejn iktar! Moħħhom biss fihom infushom u fil-poter li għandhom u jridu jbellgħuhielna li qed jaħdmu għas-supporters, għall-klabbs iż-żgħar, eċċetra. Ceferin imissu jaqbad jirriżenja b’mod immedjatament. Aħna bħala supporters għandhom bżonn lit-tim tagħna u mhux bniedem arroganti bħal Ceferin. Aħna nżommu mal-Juventus u mhux mal-Uefa jew ma’ Ceferin.
Mhux se noqgħod nidħol wisq fil-mertu ta’ ħafna kritika li saret fl-aħħar jiem. Xtaqt nagħmel biss żewġ punti li għalija huma ta’ għafsa ta’ qalb:
(i) Is-Super League twaqqfet minn tnax-il tim. Illum kulħadd qed jipponta subgħajh lejn Agnelli u Perez. L-għaxar klabbs l-oħra għandhom l-istess tort (dejjem jekk hu tort). Il-media qed tipprova tbella’ lis-supporters li Agnelli u Perez biss huma ħatja. L-oħrajn, imma nsaqsi jien, ġew sfurzati li jiffirmaw il-kuntratt? Jew iffirmaw il-kuntratt għax raw li kien jaqblilhom? U għala ħarġu jumejn wara li ffirmaw? Mela ħasbu li dan hu kuntratt ta’ erba’ soldi?!
(ii) Ħafna tkellmu dwar mertu. Sostnew li huma kontra s-Super League għax se jkun hemm timijiet li jkollhomposthom garantit u allura ma jidħlux fuq bażi ta’ mertu. Forsi tajjeb li dawn in-nies jifhmu li timijiet bħal Juventus u Real Madrid ilhom li kisbu u wrew il-mertu tagħhom. Hemm l-istorja tal-klabbs li tixhed dan. Li Ancelotti bħala kowċ ta’ Everton jiġi jitkellem fuq mertu hi ħaġa ridikola. Tgħid veru jaħsibha hekk jew bħas-soltu qed juża s-Super League biex jattakka għal xejn b’xejn lil Juventus?
Matthew Scerri