Stadiums bil-bibien miftuħa għall-partitarji anki fis-Serie A

Intervistat minn Nsl Radio, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Andrea Costa kkonferma li l-partitarji se jitħallew jidħlu fil-grawnds tas-Serie A fl-istaġun li jmiss. Fil-bidu l-istadiums se jilqgħu fihom 25% tas-seating capacity, u mbagħad l-ammont ta’ partitarji fil-grawnd se jiżdied skont kif tkun is-sitwazzjoni medika fil-pajjiż.

Matthew Scerri

Buffon: “Se nkompli nilgħab”

“Il-futur tiegħi hu fil-grawnd. Kelli d-dubju għandix nieqaf, imma issa se nkompli nilgħab.” Hekk stqarr Buffon ma’ Tuttosport. Buffon spjega li flimkien mal-aġent tiegħu, Silvano Martina, daqt jiddeċiedi fejn se jkun qed jilgħab. Hu għandu quddiemu żewġ toroq: jingħaqad ma’ tim li se jkun impenjat fiċ-Champions League jew inkella jirritorna ma’ Parma. Skontu mhu se jaċċetta l-ebda proposta biex ikun riserva ma’ tim ieħor. Fil-fatt f’Jannar hu ddeċieda li jitlaq lil Juventus minħabba li ried ikollu postu garantit u hekk ikun mill-ġdid protagonist. Il-gowler żied: “Aċċettajt li nkun riserva biss għal Juventus.” Hu temm jgħid: “Lgħabt fis-Serie B ta’ 28 meta kont champion tad-dinja, ma naħsibx li se jkun problema li nilgħab fis-Serie B ta’ 43 sena.”

Matthew Scerri

Juventus juru mill-ġdid interess f’Tielemans

Isem relattivament ġdid għas-suq tat-trasferimenti Juventin: Youri Tielemans ta’ Leicester. Juventus ilhom snin isegwuh sa minn meta beda l-karriera ma’ Anderlecht.  Fl-aħħar snin, ma tantx baqa’ jissemma ma’ Juventus, anki għax hu ngħaqad ma’ Leicester, klabb sinjur li kien jissodisfa l-ambizzjonijiet tiegħu. Illum jidher li hu tassew diffiċli Leicester iħalluh jitlaq, biss nafu li fil-futbol qatt ma tista’ teskludi xejn. Juventus nafu li qed ifittxu li jagħmlu akkwisti ta’ kwalità f’nofs il-grawnd u Tielemans jista’ jkun wieħed minn dawk li jgħinu lit-tim ta’ Allegri jagħmel qabża ta’ kwalità.

Matthew Scerri

Tkompli t-tfittxija tal-Viċi-Szczesny

Waħda mill-prijoritajiet tal-mercato Juventin hu li jinstab gowler riserva għal Szczesny wara li Buffon iddeċiedi li ma jibqax ma’ Juventus. Qed isiru ħafna ismijiet. Apparti Sirigu, Juventus jidhru li qed jikkunsidraw anki lil David Ospina, Antonio Mirante, Sergio Romero u Lukasz Skorupski.

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (15 ta’ Ġunju 2021)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum il-15 ta’ Ġunju 2021.

Klabbs tal-Premier League jridu lil Ramsey

“Se nagħmel minn kollox biex nitlaq.” Hekk stqarr ftit tal-jiem ilu Aaron Ramsey. Il-futur, nisperaw qarib, tiegħu x’aktarx se jkun mill-ġdid fil-Premier League. Crystal Palace, West Ham u Everton ilhom isegwuh u qed juru interess qawwi fih. Jidher li anki Arsenal lesti jilqgħuh lura tant li kellhom kuntatt mal-aġenti tiegħu. L-ikbar ostaklu għal dat-trasferiment jibqa’ l-fatt li Ramsey għandu paga fenomenali ma’ Juventus (7.5 miljuni fis-sena) u ma nafux kemm timijiet oħra lesti jiggarantulu li jibqgħu jagħtuhielu.

Matthew Scerri

Demiral fil-mira ta’ Atalanta

Atalanta qed iħarsu mill-ġdid f’dar Juventus sabiex isaħħu lit-tim tagħhom. Wara li sena ilu kisbu b’deal tajjeb lil Romero, issa Atalanta iridu lil Merih Demiral. Juventus qed jitolbu somma ta’ 35 miljun Ewro. L-indikazzjonijiet huma li dis-sena Juventus verament jinsabu lesti li jbigħu lil Demiral biex jagħmlu plusvalenza li hi tant meħtieġa.

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (14 ta’ Ġunju 2021)

 Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum l-14 ta’ Ġunju 2021.

Eriksen jidher li jinsab tajjeb

Christian Eriksen jinsab tajjeb. Hu għadu u s ejibqa’ rikoverat l-isptar għal aktar testijiet sakemm it-tobba jkunu fehmu x’ikkawża l-attakk tal-qalb li tah ilbieraħ waqt il-partita kontra l-Finlandja. Fl-istess ħin hu mhux se jintbagħat lura d-dar qabel ikun hemm iċ-ċertezza li ħajtu mhix fil-periklu. Il-kundizzjonijiet tiegħu huma stabbli u kollox jindika li l-kbir għadda. Issa wieħed irid jara x’se jkunu r-riżultati tat-testijiet mediċi u, fuq kollox, jekk il-kundizzjonijiet ta’ saħħtu jippermettulux li aktar ‘il quddiem ikompli l-karriera tiegħu. F’dan l-istadju xejn ma jista’ jiġi eskluż, lanqas li jkollu jirtira. Aħna nawgurawlu li ma ndumux ma narawh fl-azzjoni!

Matthew Scerri

Numri ġodda fuq il-flokk għal Danilo u Cuadrado

Cuadrado u Danilo se jkunu qed jilagħbu b’numru ieħor fuq il-flokk minflok dak li rajnihom bih fl-aħħar snin. Fil-fatt meta wieħed jordna l-flokk online jinduna li Cuadrado se jkollu l-flokk numru 11 (u mhux iktar is-16). Danilo, mill-banda l-oħra, se jkun qed iġorr in-numru 6 fuq il-flokk tiegħu (minflok it-13 tal-aħħar sentejn). Dawn in-numri jaf ikunun indikazzjonijiet anki dwar is-suq tat-trasferimenti Juventin. Fil-fatt sa tliet snin ilu Cuadrado kellu l-flokk numru 7, numru li hu ħalla lil Ronaldo. Il-fatt li issa ħa n-numru 11u ma marx lura għall-flokk 7, jaf ifisser li Ronaldo se jibqa’ ma’ Juventus. Fl-istess ħin il-flokk numru 6 ta’ Danilo jista’ jfisser li Pogba mhux se jirritorna ma’ Juventus peress li Pogba fl-aħħar snin rabat ismu man-numru 6 (għalkemm ma’ Juventus fl-aħħar sena kellu l-flokk numru 10!).

Matthew Scerri